Ritratti: L-Immigranti jiżbarkaw mill-bastiment Open Arms f’Lampedusa

Spanish rescue ship Open Arms with migrants on board arrives in Lampedusa, Italy, August 20, 2019. REUTERS/Guglielmo Mangiapane

Madwar 100 immigrant li kienu ilhom bejn sema u ilma għal ġimgħat sħaħ fuq il-bastiment Open Arms żbarkaw f’Lampedusa tard ilbieraħ filgħaxija. Din wasslet għat-tmiem tal-iżblokk bejn il-Gvern Taljan u l-NGO Spanjola li topera l-bastiment.

L-immigranti, li ġejjin prinċiparjament mill-Afrika, tniżżlu mill-bastiment wara li prosekutur Taljan talab għas-sekwestru tal-bastiment u l-evakwazzjoni tal-persuni abbord. Il-bastiment wasal f’Lampedusa fil-11.30pm.

Il-bastiment Open Arms, li huwa operat minn karità Spanjola bl-istess isem, salva immigranti li kienu ġejjin lejn l-Ewropa mill-kosta Libjana. Minkejja kollox, il-bastiment għamel mat-tliet ġimgħat bejn sema u ilma hekk kif l-Italja bdiet tirrifjuta li toffri port ta’ sigurtà.

Id-Direttur u Fundatur ta’ Open Arms, Oscar Camps, qal aktar kmieni fuq Twitter li l-bastiment se jkun temporanjament sekwestrat u qal li kienet għażla li kellhom jagħmlu sabiex il-persuni abbord setgħu jiġu mgħejjuna u jinżlu l-art.

Bastiment navali ġie mibgħut minn Spanja lbieraħ wara nofsinhar sabiex isalva l-immigranti u joħodhom Mallorka wara li wħud minnhom qabżu l-baħar. Minkejja dan il-vjaġġ kien wieħed ta’ tliet ijiem u l-Open Arms kienet wissiet kemm-il darba li s-sitwazzjoni kienet waħda ddisprata u li kien hemm persuni f’riskju ta’ suwiċidju.