Filmat u ritratti: “L-iktar parti iebsa kienet it-taħriġ” – Neil

Read in English.

L-għawwiem Neil Agius wasal f’Tas-Sliema wara li lesta għawma ta’ 100+km minn Sqallija għal Malta biex iqajjem kuxjenza għal Wave of Change Malta, li tieħu ħsieb kampanji favur l-ibħra nodfa.

L-għawma ħadet ftit inqas minn 30 siegħa wara li hu qabeż fil-baħar ta’ Ragusa fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu fejn beda jgħum mingħajr għajnuna, jiġifieri li fl-ebda ħin ma seta jmiss jew iserraħ mad-dgħajejs li kienu qed jakkumpanjawh.

Waqt intervista ma’ newsbook.com.mt Neil stqarr li l-aktar parti diffiċli f’dan kollu kein it-taħriġ peress li kien jgħum sitt darbiet fil-ġimgħa, li jinkludi li jqum fis-1am l-Ġimgħa filgħodu u jgħum għal 9 sigħat, u jerġa jagħmel l-istess fil-jum tas-Sibt.

L-aħħar darba li din l-għuma saret kienet 35 sena ilu minn Nicky Farrugia fl-1985.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-għawwiem Neil Agius

Intant il-Partit Nazzjonalista feraħ lill-għawwiem Neil Agius.

Photo credit: Partit Nazzjonalista

“F’din l-inizjattiva imsejħa Wave of Change, Neil Agius bagħat sinjal qawwi ta’ kemm l-isport jista’ jkun pjattaforma importanti sabiex inwasslu lis-soċjeta’ tagħna messaġġi varji fl-interess tal-ġid komuni,” ikkummenta Robert Cutajar f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima jifraħ lil Neil Agius

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima feraħ lil Neil Agius, li għam b’suċċess bejn Malta u Sqallija d-distanza ta’ 100 kilometru.

Bl-inizjattiva ‘Wave of Change’, li hi kampanja kontra r-rimi tal-plastik fil-baħar, kellna konferma oħra ta’ kemm bl-isport nistgħu nibgħatu messaġġ qawwi favur ir-rieda u d-determinazzjoni.

Il-gvern Malti japprezza immens l-ġest tas-Sur Agius li permezz ta’ din l-għawma bagħat messaġġ b’saħħtu ħafna favur l-indafa fil-baħar, speċjalment fil-madwar tal-gżejjer Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari Grima rringrazzja wkoll lil dawk kollha li kienu mas-Sur Agius fl-aħħar sigħat, u għenuh biex wasal għal dan it-tragward mistħoqq, li se jibqa’ mniżżel fl-istorja sabiħa tal-isport lokali.