Ritratti: L-għalliema lura l-iskola f’pandemija

DOI: Clifton Fenech

L-edukaturi daħlu lura f’107 skejjel statali madwar il-pajjiż biex tingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21, wara li fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati aktar minn 50 miżura u wara li sar l-assessjar tar-riskji fl-iskejjel kollha.

L-iskejjel tal-Gvern reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għall-ħaddiema llum, filwaqt li l-istudenti se jibdew skola fis-7 t’Ottubru, iżda mhux l-istudenti kollha. Dan għaliex dik il-ġimgħa, l-istudenti se jibdew skont kif imisshom, skont liema sena qegħdin fiha. L-iskejjel tal-Knisja se jagħmlu bħall-iskejjel tal-Gvern, filwaqt li ħafna skejjel indipendenti fetħu llum xorta waħda għax kienu diġà ħejjew li kellhom bżonn biex jaqblu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Waqt iż-żjara tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ltaqa’ mal-Prinċipal u l-Kap tal-Iskola u mal-edukaturi, u tkellem magħhom dwar l-ewwel ġurnata u wkoll dwar il-miżuri implimentati biex l-edukaturi jkunu mħarsa, billi jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.

Il-miżuri jibdew mill-grada tal-iskola, fejn tittieħed it-temperatura tal-persuni li huma awtorizzati li jidħlu fl-iskejjel u wkoll isir użu mis-sanitizer. Fl-iskejjel imbagħad hemm miżuri li jvarjaw minn distanza bejn is-siġġijiet tal-edukaturi għal dawk tal-istudenti, sa protokolli li għandhom jittieħdu kemm fl-ispazji komuni, għal-laqgħat u l-ilbies ta’ maskri u visors. Fl-entratura ta’ kull skola, hemm uffiċjal tas-sigurtà li jara li dawk kollha li jkunu deħlin iżommu mal-protokolli.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-edukaturi kollha għall-impenn u għad-dedikazzjoni tagħhom, kif ukoll lill-ħaddiema kollha tas-settur li ħadmu qatigħ fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew biex illum setgħu jiftħu l-iskejjel statali kollha.

Il-UPE mħassba fuq l-istat tal-iskejjel
Paniku fl-iskejjel tal-Gvern għax mhumiex preparati – UPE

201 għalliem ġdid f’dis-sena skolastika

Aktar kmieni tul il-jum, Bonnici ltaqa’ mal-għalliema l-ġodda b’mod virtwali. Din is-sena se jibdew jgħallmu 201 għalliem ġdid, aktar mis-sena skolastika li għaddiet u ta’ qabilha.

Il-Ministru Bonnici feraħ lil kull min se jibda sena skolastika ġdida, kemm fis-settur tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.

Il-parteċipanti ġew indirizzati wkoll mis-Sinjura Sue Azzopardi, Kap tal-Iskola fl-Iskola Primarja taż-Żebbuġ, is-Sur Alfred Sant Fournier, Kap tal-Iskola fil-Fondazzjoni San Mikiel u s-Sur Mario Mallia, Kap tal-Iskola fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Dawn it-tliet edukaturi esperjenzati tkellmu dwar esperjenzi ta’ kuljum, sfidi attwali u innovazzjonijiet biex iġibu bidla permezz tal-kreattività u l-kollaborazzjoni.

Il-parteċipanti ġew indirizzati wkoll mis-Sinjura Jennifer Grima mill-Kunsill tal-Professjoni tat-Tagħlim, li ddiskutiet il-Kodiċi tal-Etika tal-Għalliema u l-proċeduri ta’ garanzija, filwaqt li s-Sur Grazio Grixti, Direttur fid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u l-Ħiliet Transversali ppreżenta kif wieħed jista’ jsostni l-kwalità fit-tagħlim permezz tal-użu ta’ għodda diġitali. 

Dr Jacqueline Vanhear, Direttur tad-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, tkellmet dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u xi tfisser għall-iskejjel, u kif il-partijiet interessati jistgħu kollha jikkontribwixxu biex iġibu titjib fl-iskola u jipprovdu lill-istudenti tagħna b’esperjenza edukattiva sinifikanti.

Il-Ministru Bonnici sostna li l-għalliema huma r-ruħ għal kull sistema edukattiva effettiva. Huwa qal li fuq nett tal-aġenda tal-Ministeru hemm il-ħtieġa li jkompli jittejjeb il-profil tal-professjoni tat-tagħlim, biex b’hekk titejjeb ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni bi skop morali speċifiku sabiex l-istudenti kollha jirnexxu. 

“Intom se tibdew vjaġġ u se tkunu qed tibdewh f’ċirkostanzi differenti mis-soltu, madankollu, appoġġ u sapport se ssibu, għalhekk jeħtieġ li tfittxuh meta jkollkom bżonn. Irridu nkomplu nkunu flessibbli u nieħdu ħsieb xulxin, u l-iktar importanti li nieħdu ħsieb l-istudenti tagħna filwaqt li nedukawhom biex jaffaċċjaw u jegħlbu l-isfidi ta’ kuljum. Għalkemm qed niffokaw fuq il-preżent, m’għandniex ninsew naħsbu fuq il-futur. Intom il-futur tagħna, ta’ wliedna u ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-PN jirringrazzja lill-edukaturi li qed jaħdmu “f’ċirkostanzi xejn normali”

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, sellem lill-edukaturi kollha li llum irritornaw lejn l-iskejjel rispettivi tagħhom “f’ċirkostanzi xejn normali.”

Id-dedikazzjoni u l-professjonalità li edukaturi wrew fl-aħħar xhur hija ferm apprezzata speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, qal il-PN.