Ritratti: Mintoff, de Marco u Churchill imlibbsa bl-aħħar kelmiet ta’ Daphne

Ilbieraħ filgħaxija, attivisti minn #OccupyJustice libbsu lill-monumenti, fosthom dawk ta’ Dom Mintoff, Guido de Marco u Winston Churchill bi flokkijiet li fuqhom hemm miktub l-aħħar kelmiet ta’ Daphne: “Crooks everywhere. The situation is desperate”.
Fi stqarrija l-attivisti qalu lill-Prim Ministru li anke l-istorja se tkun qed tiġġudikah.
Fakkru li tliet xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadu mhux magħruf min ħallas biex iseħħ il-qtil u insistew mal-Prim Ministru li mhux se jistrieħu qabel ma ssir ġustizzja.
In-nisa fakkru wkoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew li jgħid fost oħrajn li għandhom jitneħħew dawk il-politiċi li huma msemmija fil-Panama Papers.
“Prim Ministru x’qed tistenna biex tneħħihom? Meta se tieqaf tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta? Għalfejn se tibqa’ żżomm dawn iż-żewġ persuni implikati f’atti serji ta’ korruzzjoni u tibqa’ tipproteġihom akkost ta’ kollox?” staqja l-grupp.
L-istqarrija ttem tisħaq bit-talbiet tagħha, jiġifieri għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li ddeskriviethom bħala “pupazzi tal-Gvern.”
“Dan hu n-nazzjon tagħna, din hija darna u aħna l-poplu. Nistennew aħjar, jixirqilna aħjar u rridu l-aħjar,” ittemm l-istqarrija.
Twaħħlu wkoll strixxuni fit-toroq isejħu biex tieqaf l-impunità issa.
L-istrixxuni twaħħlu fost l-oħrajn f’San Ġiljan u f’Santa Venera.
Xahar ilu, l-istrixxuni kienu karba waħda biex toħroġ il-verità.