Ritratti: L-effetti traġiċi tal-Gwerra tal-Vjetnam fuq it-tfal

Matul il-gwerra tal-Vjetnam, il-forzi Amerikani tefgħu mal-21 miljun gallun ta’ kimika tad-diossina fuq meded ta’ art fin-nofsinhar tal-Vjetnam. L-effetti tad-diossina għadhom ifiġġu llum fost ir-residenti, magħrufa bħala t-tielet ġenerazzjoni ta’ vittmi tal-Agent Orange.

Huma kielu l-ħxejjex u xorbu l-ilma mill-art fejn intefgħet il-kimika madwar 40 sena ilu.

Will it Ever End? huwa rapport bir-ritratti tal-fotografu Brian Driscoll li żar din iż-żona biex jara l-effetti li ħalliet din il-kimika fuq it-tfal. Ħafna minnhom ibatu minn mard mentali u difetti fiżiċi, u jeħtieġu kura tul ħajjithom kollha.

Il-fotografu beda dan il-proġett wara li sar jaf li nannuh, li serva fil-gwerra tal-Vjetnam, kien espost għal din il-kimika u kellu konsegwenzi negattivi fuq saħħtu.

Minbarra x-xena ta’ qsim il-qalb li juri fir-ritratti, Driscoll ifakkar lil min jara x-xogħol tiegħu dwar il-ħsara kbira u fit-tul li jagħmlu l-gwerer.