Ritratti: L-ebda każ trażmess ta’ coronavirus fl-ITS

Kien hemm każ wieħed ġimagħtejn ilu

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ma kellu l-ebda każ trażmess ta’ coronavirus wara li kien hemm każ waħdieni ġimagħtejn ilu.

Id-Direttur tal-Istitut Pierre Fenech informa lil Newsbook.com.mt li minħabba l-protokolli “riġidi” li implimenta l-Istitut, ma kien hemm l-ebda trażmissjoni.

Il-perjodu ta’ kwarantina għal dawk li kienu f’kuntatt mal-persuna li kienet pożittiva għadda nhar it-Tnejn li għadda. L-istudenta kienet attendiet l-iskola l-aħħar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru, u ħarġulha s-sintomi bejn it-Tnejn u t-Tlieta. Imbagħad irriżultat pożittiva għall-virus is-Sibt, 12 ta’ Settembru. B’hekk, hija ma kinitx attendiet l-ITS meta kellha s-sintomi.

Minkejja dan, dawk li kellhom kuntatt magħha meta attendiet xorta waħda ntalbu ma jmorrux l-ITS.

Fost il-miżuri li għandu l-Istitut hemm:

  • Tindif, diżinfettar u ffumugar ta’ kull klassi, kċina u ristorant bejn kull lezzjoni
  • Miżuri ta’ tbegħid soċjali
  • Hu inkoraġġit il-ħasil tal-idejn u l-iġjene personali
  • Qed tittieħed it-temperatura f’żewġ blokok prinċipali; ħadd ma jista’ jaċċessa l-Istitut mingħajr ma tittiħidlu t-temperatura
  • Kull persuna li tidħol titwaħħlilha sticker b’kulur li jinbidel kuljum u ħadd mhu jiġi aċċettat fil-lezzjoni jekk ma jkollux l-isticker tal-ġurnata.

Peress li s-sessjonijiet ta’ rkupru li kienu qegħdin jingħataw lill-istudenti ntemmew, l-Istitut se joħroġ protokolli aġġornati għas-sena akkademika li ġejja sabiex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.