Ritratti: L-Arċisqof mal-anzjani fl-ewwel festa f’San Vinċenz

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Scicluna qal kemm hi xi ħaġa sabiħa li l-Maltin għandhom reputazzjoni ta’ nies ġenerużi, u f’indirizz lill-anzjani fil-festa ta’ San Vinċenz de Paule, ħeġġeġ biex aktar nies jieħdu l-eżempju tiegħu u jaġixxu b’umiltà u paċenzja mal-proxxmu.

Fl-attività li saret fir-residenza San Vinċenz de Paule stess, l-Arċisqof irrakkonta xi stejjer minn ħajjet dan il-qaddis u sejjaħlu “saċerdot li ta ħajtu lill-foqra.” Huwa insista fuq l-umiltà ta’ dan il-qaddis, li darba, meta kien qed idur Pariġi, iħabbat bieb bieb għall-karità mal-foqra, qala’ daqqa ta’ ħarta, u wieġeb, “Grazzi, din għalija. Għandek xi ħaġa għall-fqar?”

Minkejja li faħħar il-ġenerożità tal-poplu Malti, l-Arċisqof saħaq fuq l-importanza li wieħed jittratta lil dak li jkun daqslikieku hu x-xbieha ta’ Ġesù. San Vinċenz de Paule kien jgħid li lil Ġesù l-aktar li nistgħu narawh hu fil-foqra, qal l-Arċisqof.

Din l-attività ttellgħet għall-ewwel darba mis-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva wara li stħarriġ wera li 48% tar-residenti xtaqu li jkollhom iżjed attivitajiet soċjospiritwali. Fil-jiem li ġejjin, għandhom jittellgħu aktar attivitajiet għall-400 anzjan parteċipant li jiċċelebraw il-festa ta’ San Vinċenz de Paule.