Ritratti: L-Arċisqof lura Malta

L-Arċisqof Charles Scicluna wasal Malta dalgħodu ftit qabel nofsinhar, wara żjara ta’ ġimagħtejn fi New York u fiċ-Ċilì, fejn kien qed jaqdi l-missjoni li fdalu l-Papa Franġisku, biex jinvestiga l-allegat abbuż sesswali minn saċerdot fiċ-Ċilì u l-allegazzjonijiet li l-Isqof ta’ Osorno kien xhud tal-abbużi.
Jilqgħu lil Mons. Scicluna fl-ajruport b’tgħanniqa kien hemm ommu, iż-żewġ ħutu, zijuh u l-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi.
Hu mifhum li fil-ġimgħat li ġejjin l-Arċisqof Scicluna se jippreżenta l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu lill-Papa Franġisku.
Waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì, kellu jsirlu intervent mediku fejn tneħħietlu l-marrara.
Ftit wara ħabat it-tielet anniversarju tiegħu minn meta sar Arċisqof ta’ Malta u li qattgħu jisma’ lin-nies li batew minħabba abbuż sesswali.
Skont il-midja fiċ-Ċilì fost dawk li sema’ x-xhieda tagħhom kien hemm l-Isqof ta’ Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid.
L-Arċisqof se jkompli bil-ħidma tiegħu fl-Arċidjoċesi ta' Malta bl-ewwel impenn pubbliku jkun nhar il-Ġimgħa 9 ta' Marzu. 
Dakinhar hu se jmexxi l-pellegrinaġġ bl-istatwa devota ta' Ġesù Redentur u jiċċelebra Quddiesa fl-Isla. 
Ritratti: Ian Noel Pace