Ritratti: L-Arċisqof jinawgura l-istatwa ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Ġiet inawgurata u mbierka l-istatwa ta’ San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti, fil-knisja parrokkjali tas-Swatar.

L-inawgurazzjoni ġrat waqt quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ filgħaxija, fl-okkażjoni tal-10 sena anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tas-Swatar mill-Arċisqof Pawlu Cremona. 

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof silet xi frażijiet li kien jgħid San Ġorġ Preca stess, bħal, “X’inhi d-devozzjoni? Hija l-imitazzjoni,” u qal li x-xbieha ta’ San Ġorġ Preca fl-istatwa tiegħu għandha tfakkarna fl-eżempju tajjeb li ta hu, li pprietka dejjem fuq l-importanza tal-ħbiberija ma’ Ġesù.

Frażijiet magħrufin oħra tal-qaddis li semma l-Arċisqof kienu “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla,” kif ukoll, “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd.” L-Arċisqof ħeġġeġ lin-nies tas-Swatar biex jaqraw u jsegwu l-kitbiet u t-tagħlim tal-patrun tagħhom, San Ġorġ Preca.

L-istatwa hija magħmula mill-injam, mill-iskultur il-Kav. Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron.