Ritratti: L-Arċisqof jilqa’ tfal f’riskju li jitkeċċew minn Malta

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna llum laqa’ għadd ta’ tfal li qegħdin f’riskju li jitkeċċew minn Malta mill-Gvern.

Mons. Scicluna llum ċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali ta’ Jum il-Milied fis-Solennità tat-Twelid ta’ Gesù Kristu. Il-quddiesa saret fil-Konkatidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li fi tmiem il-Quddiesa, l-Arcisqof laqa’ lit-tfal prezenti fosthom tfal mis-Serbja li jgħixu Malta mal-ġenituri tagħhom u li jistgħu jiġu deportati. L-Arċisqof ippreżentalhom Bambin bħala rigal.

Mons. Sciclna appella lin-nies biex ikunu ġenerużi billi jilqgħu lil Ġesù f’dawk ħuthom li ghandhom dritt għal ħajja mal-familja. Qal li dak ikun tassew l-aħjar Milied li jista’ jiġi ċċelebrat.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-Arcisqof kien f’kuntatt mal-Gvern biex joffri l-għajnuna tal-Knisja fil-każ ta’ 22 tifel u tifla, uħud ta’ sentejn, mhedda bi tkeċċija minn Malta.

Il-midja reċentament żvelat li Identity Malta qedthedded lil dawn it-tfal bi tkeċċija minn Malta peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena flimkien ma’ €3,800 żejda għal kull tifel u tifla li jkollhom. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul mis-sahra jew xi bonus.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi huma fost dawk li ffirmaw il-petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex il-Gvern ma jkeċċix 22 tifel u tifla minn Malta minħabba li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena u €3,800 għal kull tifel u tifla.