Ritratti: L-Arċisqof jgħammed 7 insara ġodda minn 6 pajjiżi

Waqt l-omelija tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li ż-żgħożija tal-Knisja tiġġedded illum f’Sibt il-Għid.Waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra l-Magħmudija, l-Griżma u Tqarbin lil seba’ katekumeni, jiġifieri persuni li jsiru Nsara meta jkunu adulti.
Waqt il-Vġili wkoll, żagħżugħ Ġermaniż ġie kkonfermat fil-fidi Kattolika permezz tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof.
It-tmien żgħażagħ u adulti kważi kollha għandhom taħt it-30 sena u ġejjin minn Malta, mill-Indja, mill-Italja, mir-Repubblika Ċeka, minn Kuba u mit-Turkija.
Tul ir-Randan, iltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna sabiex jitħejjew għal dan il-mument, fejn wieħed miż-żgħażagħ li għandu 27 sena fisser kif minn tfulitu dejjem fittex il-verità u dejjem staqsa dwar l-eżistenza ta’ Alla.
Sostna li wara numru ta’ sitwazzjonijiet diffiċli li għadda minnhom sab tweġiba f’mumenti li fihom kien jitlob lil Alla sabiex ikun għalih id-dawl.  Huwa fisser iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla, bħala bidu ta’ ħajja ġdida.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid bdiet fit-8pm u nkludiet it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u kompla bit-tħabbira tal-Għid, il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja, it-tberik tal-ilma u l-liturġija tal-Ewkaristija.
Waqt l-omelija tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li ż-żgħożija tal-Knisja tiġġedded illum f’Sibt il-Għid.
Ritratti: Kurja – knisja.org/ritratti