Ritratti: L-arazzi ta’ Raphael lura fil-Kappella Sistina

Għall-ewwel darba, wara għexieren ta’ snin, it-12-il arazza tal-artist Rinaxximentali Raphael iddendlu mal-ħitan tal-Kappella Sistina. Dan sar bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-500 sena mindu miet.

Id-direttriċi tal-Mużew tal-Vatikan qalet li l-arazzi kienu oriġinarjament iddisinjati biex jitpoġġew fil-Kappella, għalhekk għażlu li jesebixxuhom fl-istess Kappella Sistina. L-arazzi, li nħadmu bl-idejn ġewwa Brussell mill-istudjow ta’ Pieter van Aelst fuq it-tpinġijiet ta’ Raphael, juru xeni mill-Atti tal-Apposti. Fosthom hemm it-tħaġġir ta’ San Stiefnu u San Pawl waqt li kienu qed jippriedkaw f’Ateni.

It-12-il arazza, li huma magħmula mill-ħarir, mis-suf u mill-ħajt kulur id-deheb u l-fidda, ġew irrestawrati mill-konservazzjonisti tal-Mużew tal-Vatikan tul dawn l-aħħar 10 snin. Il-konservazzjonisti taw il-permess biex it-12-il arazza jitpoġġew għall-wiri għal ġimgħa biss ġewwa l-Kappella Sistina. Dan bil-għan li jknunu kemm jista’ jkun protetti mill-elementi. Uħud mill-arazzi se jittieħdu għall-wiri f’mużewijiet oħra bħalma hu l-mużew Scuderie tal-Palazz Quirinale f’Ruma u fin-National Gallery ta’ Londra.

Id-direttriċi tal-Mużew tal-Vatikan qalet li dan hu eżatt dak li qed jitlobhom jagħmlu l-Papa Franġisku, iġifieri li jaqsmu dak li għandhom u li jkun mużew miftuħ għal kulħadd, fejn kulħadd ikun jista’ japprezza dawn l-artefatti imprezzabbli.