Ritratti: L-Amerka tistazzjona aktar bċejjeċ tal-gwerra fil-Korea ta’ Isfel

Il-militari Amerikana bdiet tistazzjona llum fil-Korea ta’ Isfel bċejjeċ tal-gwerra li jiffurmaw parti minn sistema ta’ difiża kontra l-missili, hekk kif kulma jmur it-tensjoni bejnha u l-Korea ta’ Fuq tiżdied.
Is-sistema, magħrufa aktar bħala Terminal High Altitude Area Defense, inkella fil-qasir THAAD, waslet fil-Korea ta’ Isfel qabel iż-żmien stipulat, u kienet milqugħa bi protesti miċ-ċittadini Koreani.
Huma u għaddejjin fit-toroq, l-uffiċjali Amerikani kienu milqugħa minn ċittadini b’kartelluni fuqhom indirizzati lilhom jgħidu “Ma rridux gwerra. Intom ħbieb tagħna jew ġejtu biex tokkupawna?”
Din il-mossa lanqas niżlet tajjeb ma’ wieħed mill-kandidati tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Korea ta’ Isfel, li se jsiru fid-9 ta’ Mejju li ġej.
Kelliem għal kandidat qal li din id-deċiżjoni ma qisitx l-opinjoni pubblika, u talab sabiex dawn il-bċejjeċ tal-gwerra jieqfu deħlin sakemm isiru l-elezzjonijiet ġimagħtejn oħra u l-amministrazzjoni l-ġdida jkollha l-politika tagħha mikxufa.
Din il-mossa kienet ġiet maqbula s-sena l-oħra bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-theddid ta’ gwerra nukleari mill-Korea ta’ Fuq.
Ftehim bħal dan kien irrabja liċ-Ċina, li wissiet li mhix se tħalli effett fuq l-ebusija ta’ ras tal-Korea ta’ Fuq, anzi se sservi biex tkompli toħloq it-tensjoni f’reġjun mikul diġà minnha.