Ritratti: “L-ajruport issa qisu ċimiterju”

Miguela Xuereb

L-ajruport huwa wieħed mill-iktar postijiet li jara taħlita ta’ nies, ġejjin minn kull pajjiż u minn kull qasam tal-ħajja. Madankollu, issa li twaqqfu t-titjiriet minn u lejn Malta minħabba l-imxija tal-coronavirus, bilkemm setgħet tintlemaħ ruħ fih, u ġie deskritt bħala “ċimiterju.”

Illum l-ajruport kien baħħ, wara li minn nhar is-Sibt li għadda, ma tħallewx isiru iżjed titjiriet minn u lejn Malta, ħlief dawk tal-merkanzija, tal-ikel jew titjiriet li qegħdin isiru ta’ kuljum lejn Londra, Pariġi, Vjenna, Amsterdam, Brussell u Frankfurt.

Din l-iskeda l-ġdida, li l-barranin maqbudin Malta kellhom jinkitbu għaliha sal-21 ta’ Marzu, kellha tibda llum. L-Air Malta sejħilha “lifeline schedule.” L-uniċi nies li ntlemħu fl-ajruport kienu dawk li kienu qegħdin jistennew it-titjira tagħhom.

Minħabba l-varjetà ta’ persuni li jgħaddu minn hemm ta’ kuljum, ittieħdu numru ta’ miżuri fih sabiex tiġi assigurata l-iġjene u s-sigurtà kontra l-coronavirus, avolja issa t-titjiriet minn u lejn Malta twaqqfu.

Waħda mill-miżuri meħudin fl-ajruport hija sabiex fl-ispiżerija ma tidħolx aktar minn persuna waħda sabiex tinqeda. Ma jonqsux l-avviżi mxerrdin madwar l-ajruport biex jekk ikun hemm xi ħadd ġej minn pajjiż milqut bil-coronavirus li jesperjenza xi sintomi, ma jmurx l-isptar, f’ċentru tas-saħħa, fi spiżerija jew għand tabib, imma jċempel fuq il-helpline 111.

Il-Kummissjoni Ingliża f’Malta llejla għamlet appell sabiex it-turisti Ingliżi maqbudin Malta jaraw li jerħulha lura lejn l-Ingilterra malajr kemm jista’ jkun, wara appell simili lit-turisti Ingliżi mxerrdin madwar id-dinja mill-Gvern Ingliż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn