Ritratti: L-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta

Daryl Cauchi

L-ajruplan il-ġdid li ngħaqad mal-flotta ta’ ajruplani tal-kumpanija Air Malta se jkun qed joffri inqas spejjeż operattivi minħabba li l-effiċjenza fil-konsum tal-fjuwil tjiebet b’20%. L-ajruplan li hu tat-tip A320neo kapaċi jtir f’distanzi itwal mill-ajruplani li l-kumpanija għandha fil-preżent.

Skont stqarrija maħruġa mill-kumpanija, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jingħaqad mal-flotta it-tielet ajruplan tal-istess tip. It-tieni wieħed wasal Malta nhar l-Erbgħa 31 ta’ Lulju u għamel l-ewwel titjira tiegħu lejn l-ajruport ta’ Malpensa f’Milan fl-1 ta’ Awwissu.

L-Airbus A320neo huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija fid-disinn tiegħu u grazzi għall-magni li għandu, joffri iżjed effiċjenza b’inqas impatt ambjentali, kif ukoll tnaqqis ta’ madwar 50% fil-ħoss. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-akkwist tat-tieni A320neo.