Ritratti: L-aħħar ċena mal-President Abela

Waqt iċ-ċena organizzata mill-Prim Ministru f’Kastilja b’unur għall-President George Abela, il-President reġa’ appella għal riforma kostituzzjonali biex tiżdied l-awtonomija tal-President tar-Repubblika.
Dr George Abela qal li waqt il-Presidenza tiegħu stinka għal dawn ir-riformi, u esprima t-tama li dan jitkompla mis-suċċessuri tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li Dr Abela se jibqa’ mfakkar għas-sens ta’ enerġija kbira u ġdida li daħħal fil-Presidenza.  Filwaqt li rringrazzjah għax-xogħol siewi li wettaq matul l-aħħar ħames snin, sostna li l-pajjiż se jibqa’ jagħmel użu mill-kwalitajiet u l-għerf tiegħu għall-ġid komuni.
Il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat ippreżentaw rigal lill-President u s-Sinjura Abela f’isem il-poplu Malti u Għawdxi. L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u s-Sinjura Gonzi kienu mistednin jippreżentaw dan ir-rigal flimkien ma’ Dr Muscat, bħala l-Prim Ministru li kien innomina lil Dr Abela għall-Presidenza.
L-għotja, platt tal-fidda bl-istemma Nazzjonali, jissimbolizza l-għaqda nazzjonali li rrappreżenta Dr Abela fit-terminu tiegħu bħala President.
Il-Parlament mistenni jivvota dwar in-nomina ta’ Marie-Louise Coleiro Preca bħala l-President il-ġdid nhar it-Tnejn li ġej.  Iċ-ċerimonja tal-ħatra se ssir bħal lum ġimgħa. 

Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott