Ritratti: L-425 immigrant tniżżlu Malta matul il-lejl

L-425 immigrant li kienu abbord erba’ vapuri kkummissjonati mill-Gvern Malti biex iżommuhom fuqhom qalb il-pandemija tal-coronavirus tniżżlu Malta matul il-lejl li għadda. Kelliem tal-Gvern qal li l-immigranti se jinżammu f’detenzjoni.

Kemm Vessel Finder, kif ukoll Marine Traffic qed juru li l-erba’ vapuri rmunkaw fil-Port il-Kbir matul il-lejl.

Wara ġurnata ta’ inċertezza x’se jiġri mill-immigranti u l-ħaddiema li kien hemm fuq il-vapuri jieħdu ħsieb lill-immigranti, il-Gvern qal li se jdaħħal Malta dawk l-immigranti li kien qed iżomm fuq erba’ vapuri fuq il-baħar. Fi stqarrija maħruġa ftit qabel id-9pm wara ġurnata ta’ silenzju dwar il-każ, il-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri “saret diffiċli ħafna u qamet kommozzjoni”. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-immigranti kien ilhom 40 jum fuq il-baħar.  

Ilbieraħ wieħed mill-erba’ vapuri li qed jikri l-Gvern biex iżomm fuqhom persuni li qed ifittxu l-ażil resaq viċin il-kosta Maltija u beda jdur magħha. L-awtoritajiet ma taw l-ebda spjegazzjoni dwar dan.

Il-vapur Jade tas-Supreme Cruises daħal Malta fl-3.43am. Il-Bahari daħal fil-Port il-Kbir  fis-2.13am. Intant, l-Europa II u l-Atlantis daħlu fil-port għall-ħabta tal-10.45pm ilbieraħ.

Fl-istqarrija tiegħu lbieraħ, il-Gvern qal li din id-deċiżjoni setgħet tittieħed għax b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Libjani, fl-aħħar ġimgħat inġabru madwar 1,500 immigrant mill-gwardja tal-kosta Libjana, li faċilment setgħu spiċċaw f’Malta.

Min-naħa tiegħu, fuq Twitter, L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-legalità u s-solidarjetà jmorru id f’id. Hu kien qed jagħmel referenza għall-immigranti li kienu qed jinżammu fuq erba’ dgħajjes fuq ordnijiet tal-Gvern Malti.