Awdjo: Kważi xahar mitluqa f’parkeġġ għall-persuni b’diżabiltà

Ritratti li waslu għand Newsbook.com.mt juru karozza bajda mkissra li ilha madwar tliet ġimgħat ipparkjata f’post riservat għall-persuni b’diżabiltà.
Il-karozza tinsab f’parkeġġ fix-Xgħajra viċin Smart City, tistenna biex tiġi msewwija.
Fir-ritratti jidher biċ-ċar li sidha ma tax każ it-tabella li hemm imwaħħla u s-sinjali ta’ mal-art u ddeċieda li jgħatti l-karozza u jħalliha mitluqa għal riħha fil-parkeġġ għal persuni bl-istiker il-blu.
Kull min bħalissa jinqabad jipparkja f’parkeġġ riservat u mingħajr l-istiker il-blu fuq id-dashboard, jeħel multa ta’ €23.29ċ. 
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà qed tipproponi li din il-multa titla’ għal €230 sabiex isservi ta’ deterrent akbar għal min jisker il-liġi.
Iċ-Ċermen tal-KNPD qal ma’ Newsbook.com.mt li rapporti ta’ dan it-tip huma komuni ħafna u għalhekk bħalissa qed issir ħidma mal-Pulizija biex jonqsu l-abbużi ta’ dawk li jipparkjaw mingħajr l-istiker.
Żewġ problemi oħra li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabiltà hi l-falsifikazzjoni tal-istiker il-blu u anke l-użu tal-istiker meta l-persuni b’diżabiltà lanqas biss toħroġ mid-dar.
Oliver Scicluna qabel mat-tabella li kienet saret mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li tgħid hekk: “Li tkun stupidu mhix diżabilità.  Ħalli dan l-ispazju liberu għal min verament għandu bżonnu”.
Ħeġġeġ lil Kunsilli Lokali biex iwaħħlu aktar tabella bħal tal-Fgura, li kienet mill-ewwel għall-punt u bi kliem iebes.  Dan għaliex fi kliem iċ-Ċermen tal-KNPD, in-nies iridu jitgħallmu jirrispettaw lil ħaddieħor.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ biex każi simili jiġu rrappurtati mill-ewwel lill-Pulizija.
Ritratti fuq info@newsbook.com.mt