Ritratti: Kunu missjunarji tal-fidi fl-Asja – Il-Papa lill-Filippini

Dalgħodu f’Manila ġiet fi tmiemha ż-żjara li l-Papa Franġisku għamel fil-Filippini, b’Quddiesa solenni fil-Belt ta’ Manila fl-okkażjoni tal-festa devota u popolari mal-poplu Filippin, tas-Santo Nino (Bambin ta’ Praga).
Il-Papa qal li quddiem l-istrutturi soċjali li ħalaq il-bniedem, li jżommu l-faqar, l-injoranza, il-korruzzjoni u l-inġustizzji, in-Nisrani faċli jiddubita jekk il-Kelma t’Alla tistax issir reali. Iżda, żied jgħid li l-akbar għadu t’Alla hija l-gidba u għalhekk qatt mhu se jmur lura minn kelmtu.
Quddiem 3 miljun persuna, li attendew għall-Quddiesa taħt ix-xita li ma waqqfet xejn, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jiffukaw fuq dak li hu verament importanti.
Żied li tberbiq tal-flus fil-logħob, ix-xorb u l-vizzji l-oħra huma kollha ostakli li jżommu l-bniedem tifel. Spjega li dan huwa dnub u l-bnedmin, speċjalment l-Insara għandhom jibdew jaħsbu aktar ta’ wlied Alla.
Quddiem l-istatwa żgħira tal-Bambin, liebes ta’ re, bil-kuruna f’rasu u x-xetru f’idejh, il-Papa fakkar fir-rabta li hemm bejn il-ħajja fuq l-art u s-Saltna t’Alla. Żied li l-Insara huma msejħa biex ikunu xandara ta’ din is-Saltna.
Ħeġġeġ lill-Insara biex jgħożżu din l-identità ta’ wlied Alla. Fakkar kif meta ġie fid-dinja, Ġesù twieled taħt re korrott, tant li kellu jkun protett minn familja, dik Imqaddsa, biex jaħrab lejn l-Eġittu. Żied li llum hija l-missjoni tan-Nisrani li jipproteġi l-familja kontra kurrenti li qed jippruvaw jeqirduha.
Is-Santo Nino, kompla jgħid il-Papa, għandu jfakkar lill-Fillipini fil-vokazzjoni li għandhom bħala l-ewwel pajjiż Kattoliku tal-Asja, biex ikunu missjunarji tal-Kelma t’Alla fil-kontinent.
Il-funzjoni spiċċat b’messaġġ sabiħ u mqanqal mill-Arċisqof ta’ Manila, il-Kardinal Luis Antonio Tagle, li qal lill-Papa li l-Poplu Filippin irid jitlaq miegħu, mhux biss lejn Ruma imma lejn il-periferiji. Spiċċa l-messaġġ tiegħu billi flimkien mal-pellegrini għajjat “Viva l-Papa…Viva Ġesù!”
Qabel din il-quddiesa, il-Papa Franġisku ltaqa’ maż-żgħażagħ u sema’ l-istejjer tagħhom, fl-Università ta’ San Tumas f’Manilla.