Ritratti: Koppja tobba jżuru pajjiżi foqra u jagħmlu l-volontarjat għal 10 xhur

Ward to World

Koppja Maltija li t-tnejn li huma tobba bħalissa jinsabu jwettqu vjaġġ madwar pajjiżi tat-tielet dinja fejn se jkunu qed jagħmlu xogħol differenti ta’ volontarjat.

Newsbook.com.mt intervista lil Jordy Borg li għandu 24 sena u Martina Gerada li għandha 25 sena dwar l-avventura tagħhom li qed jaqsmu mal-pubbliku permezz tal-paġna ta’ Facebook Ward to World. Il-koppja spejgaw li l-passjoni tagħhom għas-safar u x-xewqa li jagħmlu xogħol volontarju f’kontinenti barra mill-Ewropa wasslithom sabiex ifasslu dan il-vjaġġ ta’ 10 xhur fejn se jżuru diversi pajjiżi fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel.

Il-pjan tagħhom għall-volontarjat sa issa jinkludi sptar f’Arusha fit-Tanżanija fejn se jkunu qed jassistu lit-tobba tal-lokal f’dak li jkun hemm bżonn. F’Diċembru huma qed jimmiraw li jkunu fit-Tajlandja fejn se joffru servizz ġo ċentru ta’ riabilitazzjoni tal-iljunfanti f’Phetcaburi. Il-koppja spjegat li l-iljunfanti li jinsabu f’dan iċ-ċentru jkunu għaddew minn abbuż u moħqrija u se jkunu qed iqattgħu xi żmien magħhom biex jgħinu fir-riabilitazzjoni tagħhom. Wara, il-pjan huwa li fi Frar jaslu l-Perù fejn se jgħinu fil-missjoni ta’ Dun Raymond Portelli, qassis u tabib Għawdxi li jgħin eluf ta’ persuni li jgħixu f’Iquitos.

“Kien ilna sena nippreparaw għal din l-avventura”

Il-koppja spjegat li kien ilha l-isbaħ sena tipprepara u tippjana sabiex din il-ħolma ssir realtà. Spjegaw li dejjem kienu jaqsmu ma’ xulxin din l-imħabba għas-safar u dejjem tkellmu fuq kemm xtaqu jagħmlu avventura ta’ dan it-tip.

Bħalissa huma jinsabu fl-Afrika ta’ Isfel fejn il-pjan hu li jkomplu jduru għal ftit iktar minn xahrejn fuq rotta li teħodhom lejn il-Lvant tal-Afrika. Huma mbagħad mistennija jerħulha lejn l-Asja u jibqgħu sejrin itemmu l-vjaġġ tagħhom fl-Amerika t’Isfel. Sostnew li huwa impossibbli li tippjana vjaġġ ta’ 10 xhur sal-inqas dettall u bil-quddiem għax iċ-ċirkustanzi dejjem jinbiddlu. Qalu li se jkunu qed iżommu moħħhom miftuħ u jkunu flessibbli sabiex jaddattaw għas-sitwazzjonijiet li jsibu lilhom innifishom fihom fil-mument.

“Nemmnu li dan il-vjaġġ se jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna”

Mistoqsijin dwar xi sfidi jaħsbu li vjaġġ bħal dan jista’ joħloq għar-relazzjoni tagħhom, Jordy u Martina spjegaw li kienu jafu li se jidħlu għal vjaġġ fejn ħa jkunu kontinwament flimkien għal xhur sħaħ, lejl u nhar. Qalu li din l-avventura se ttihom lok fejn jiskopru affarijiet ġodda fuq xulxin u jemmnu li din l-esperjenza se tkun test kbir għar-relazzjoni tagħhom. Minkejja li jafu li mhux kollox se jkun ward u żahar, ċerti li l-esperjenza se ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom.

Qalu li kemm ilhom flimkien marru fuq avventuri oħrajn fosthom il-Marokk fl-2017 u l-Ġordan fl-2018, però dawn kienu ħafna iqsar.

“Diffiċli titlaq mill-kumdità ta’ darek”

Il-koppja spjegaw li meta jkollok karriera stabbli u tkun imdawwar bil-familja u l-ħbieb, huwa diffiċli titlaq mill-kumdità ta’ darek u tmur f’ambjent mhux familjari b’xhur tivvjaġġa kontinwament. Qalu li minkejja kollox kienet xi ħaġa li ilhom joħolmu għaliha ħafna u jemmnu li se jikbru u jibbenefikaw minnha.