Ritratti: Kollezzjoni privata dwar il-kummerċ tal-inbid mogħtija lill-Mużew Marittimu

Kollezzjoni ta’ aktar minn 50 oġġett li kienu jintużaw fil-kummerċ tal-inbid u mill-industrija marittima fil-bidu tas-seklu 20 ġew irregalati lill-Mużew Marittimu Malti.
Dawn l-oġġetti kienu jifformaw parti minn kollezzjoni privata tal-familja Dacoutros.
L-għotja tinkludi diversi btieti tal-injam, fanali tar-ram, u numru ta’ għodod li kienu jintużaw waqt it-tbaħħir.
Fost dawn, l-aktar mudell li jispikka huwa artefatt tal-injam, Maria Dacutros.
Dan il-mudell jirrappreżenta lill-barquentine, Maria Dacutros, magħrufa l-aktar bħala Maria u li kien inbidel f’tanker tal-inbid fl-1920 f’Castellamare di Stabia fl-Italja.
Fl-1942 dan il-vapur ġie mgħammar b’makna diesel Kelvin, li nħadmet minn Bergins Co. Ltd ta’ Glasgow fl-1939.
Maria Dacutros kienet tbaħħar medja ta’ 5 nodi fis-siegħa iżda setgħet tlaħħaq iktar minn 10 nodi bil-makna u bl-għajnuna wkoll ta’ riħ moderat. Dan il-vapur kien 34.05 metri twil u seta’ jġorr 209.8 tunnellati ta’ inbid f’kull vjaġġ.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija dan il-vapur merkantili ntuża għat-taħriġ mill-Port Managers tal-Gvern kif ukoll kien iwassal il-posta lejn Sqallija.
Skont Lloyds ta’ Londra Maria Dacutros kien l-ikbar u l-aħħar tanker tal-inbid fid-dinja.
Fit-28 ta’ April 1952 dan il-vapur intilef f’baħar qawwi waqt li kien qed ibaħħar f’Cape Zevgasi viċin Limassol, Ċipru.
Għal għexieren ta’ snin fis-seklu 20, il-familja Dacoutros kienet is-sid ta’ waħda mill-akbar flotot ta’ vapuri kif ukoll fost l-ewlenin fl-importazzjoni tal-inbid.