​Ritratti: Kju twil mal-iskeda ġdida tal-Air Malta

L-Air Malta ħabbret li llum se tibda l-iskeda ġdida għas-sajf u intant ritratti li ttieħdu llum fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta juru kju twil ta’ nies jistennew biex jgħaddu mill-proċess tas-sigurtà.
Ir-ritratti juru li l-kju jibda mis-sala tat-tluq (departures) qrib fejn hemm il-ħwienet. Nies li kienu fil-kju qalu ma' Newsbook.com.mt li damu madwar 30 minuta biex jgħaddu mill-proċess tas-sigurtà.
Fi stqarrija maħruġa llum, l-Air Malta qalet li bdiet skeda ġdida u li matul din il-ġimgħa se tagħti bidu għall-ewwel ħames rotot minn 15-il destinazzjoni ġdida.
L-Air Malta qalet li se tkun qed topera total ta’ 34 rotta skedata b’aktar minn 180 titjira bir-ritorn kull ġimgħa u tliet servizzi intra-Ewropej ġodda.
Il-kumpanija qalet li se topera b’disa’ ajruplani u se tkun qed tikri ajruplan ieħor fix-xhur li ġejjin.
Iċ-Ċermen tal-Air Malta Charles Mangion qal li l-għan tal-kumpanija huwa li ġġorr aktar minn 2.3 miljun passiġġier.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Air Malta żiedet il-kapaċità operattiva tagħha kemm f’termini ta’ postijiet offruti fuq is-suq kif ukoll id-destinazzjonijiet. Qal ukoll li l-linja tal-ajru tejbet l-utilizzazzjoni tal-ajruplani tagħha b’mod sinifikanti u fil-futur qrib se żżid in-numru tal-ajruplani.
Ritratti: Beppe Galea