Ritratti: Kellu jistenna 16-il sena biex jiġi rikonoxxut għal rekord nazzjonali

L-atleta u Viċi-President tal-Kumitat Paralimpiku George Vella rikonoxxut għal Rekord Nazzjonali fit-800m indoor wara 16-il sena

Ritratt: Wally Galea

Read in English.

L-atleta attiv kif ukoll Viċi-President tal-Kumitat Paralimpiku Malti George Vella kien finalment rionoxxut bħala detentur ta’ rekord nazzjonali indoor fuq id-distanza ta’ 800m stabbilit fl-2004. Dan ir-rekord baqa’ mhux megħlub għal sittax-il sena sħaħ.

Vella kien wieħed mill-aktar atleti promimenti fuq it-800 metru meta fl-2004 ipparteċipa fil-Kampjonati Ewropej Indoor għall-Persuni neqsin mis-smigħ, li saru f’Sofija, fil-Bulgarija. Dak iż-żmien kien pjuttost rari li atleti Maltin jipparteċipaw f’avvenimenti tal-atletika li jsiru fuq ġewwa, li tirrappreżenta esperjenza kompletament differenti mill-atletika tradizzjonali fit-trakka.

Minkejja li din kienet l-ewwel esperjenza għal Vella barra minn xtutna, huwa ġera fl-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta Malti fit-800 metru, dak ta’ 2 minuti u 4.87 sekonda. Dan ir-rekord inkiser biss aktar kmieni din is-sena minn Benjamin Micallef.

Wara dak inhar, George rrappreżenta lil Malta f’diversi avvenimenti oħra għal persuni neqsin mis-smigħ, fejn aktar riċenti huwa ffoka fuq distanzi itwal. Illum huwa wkoll il-Viċi President tal-Kumitat Paralimpiku Malti, fejn iwettaq ħidma amministrattiva bit-tama li fil-futur, il-para-atleti lokali ma jgħaddux mill-esperjenza tiegħu fejn atleta jdum jistenna żmien twil l-approvazzjoni tar-riżultati tiegħu.

Andy Grech, President tal-MAAA, qal li: “Sfortunatament George kellu jistenna 16-il sena biex ir-riżultat tiegħu jkun rikonoxxut, iżda din is-sitwazzjoni issa hi xi ħaġa tal-passat. Aħna nħossuna xxurtjati li individwu bħal George qed jiggwidana fejn u kif l-atleti lokali kif ukoll il-para-atleti jkollhom bżonn l-għajnuna”.

Prof. Joseph Grima, President tal-MPC stqarr li l-komunità paralimpika Maltija hi ferm onorata li atleta ewlieni bħal George Vella llum għandu kariga uffiċjali importanti f’din l-organizzazzjoni. “George wera kemm-il darba l-ħiliet eċċezzjonali tiegħu kemm bħala atleta eċċellenti kif ukoll bħala persuna eżemplari. L-MPC tapprezza l-mod kif, fl-aħħar ġimgħat, l-MAAA flimkien mal-MPC, qed tiżviluppa l-Para-Atletika. Iż-żewġ entitajiet nazzjonali se jagħmlu l-almu tagħhom biex ikomplu jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw lill-para-atleti Maltin fl-isforzi tagħhom biex jitħarrġu u jikkompetu fl-għola livelli.”

Din l-informazzjoni twasslet mill-Malta Paralympic Committee u l-Malta Amateur Athletics Association