Ritratti: Kelb jiffirma ma’ tim tal-futbol fl-Istati Uniti

Spike ‘jiffirma’ l-kuntratt mal-klabb ta’ Atlanta United

Spike, kelb tar-razza Labrador Retriever, ngħaqad mat-tim tal-futbol Atlanta United fl-Istati Uniti. Il-kelb ta’ tliet xhur se jqatta’ sa 16-il xahar fil-pitch tat-tim jipprattika biex isir kelb li jagħtu servizz lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna tiegħu minħabba xi diżabbiltà.

Spike huwa l-ewwel kelb li jagħti dan is-servizz f’tim tal-Major League Soccer u diġà sar ħaġa waħda mal-plejers l-oħra fil-klabb.

L-uffiċjali tal-Atlanta United ittajru lejn New York biex jiktbu lill-kelb fil-kotba tal-klabb u lura f’belthom ippreżentawlu l-gear tal-futbol li jixbah lil dawk li jilbsu l-plejers waqt il-logħob kompetittiv.

Uffiċjal tal-Atlanta United bi Spike wara li ġabu minn New York

Darren Eales, il-President tal-klabb, qal li pilastru fundamentali tagħhom hu li jagħtu lura l-għajnuna lill-komunità li jagħmlu parti minnha. Semma li huwa ta’ privileġġ kbir li jappoġġjaw lill-Forzi Armati u jgħinu lil dawk is-suldati li jintlaqtu f’saħħithom waqt xogħolhom.

Il-plejer Pity Martinez mal-membru l-ġdid tal-klabb

Fil-bidu tat-taħriġ tiegħu Spike se jgħix ma’ wieħed li jħarreġ lill-klieb. Imbagħad jintbagħat fil-campus tal-America’s VetDogs fejn itemm it-taħriġ avvanzat u jkun ċertifikat bħala service dog bid-diploma.

Il-flejjes kollha meħtieġa għal Spike qed jinġabru kollha mill-komunità tal-post.