“M’intomx waħedkom… tibżgħux” – L-Arċisqof

Bħal-lum sena fit-3pm il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, sfat vittma ta’ karozza bomba. Sal-lum għadu mhux magħruf min kien il-mandant tal-assassinju tagħha u għaldaqstant, bosta kienu dawk li għajtu għall-ġustizzja.

“M’intomx waħedkom… tibżgħux”

L-Arċisqof Charles Scicluna fakkar lill-qraba u lill-ħbieb tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li mhumiex waħedhom.

Il-messaġġ tal-Arċisqof, li bħalissa jinsab Ruma għas-Sinodu tal-Isqfijiet, inqara waqt il-quddiesa li saret illejla fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi fil-Belt Valletta, f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista.

Filwaqt li stqarr li l-ħsieb u t-talb illum imur għal ruħ Daphne, irrimarka li wieħed għandu jiftakar ukoll fil-ġenituri tagħha, żewġha, uliedha u ħutha, li fi kliemu, saret inġustizzja magħhom li ma tistax tissewwa.  Qal li dawk preżenti huma turija ta’ solidarjetà magħhom.

Mons. Scicluna semma kif il-mejda tal-Ewkaristija tfakkar fl-akbar inġustizzja, dik tal-qtil ta’ Ġesù, li kien vittma tal-innoċenti, kif ukoll fl-għotja ta’ mħabba sħiħa tiegħu fuq is-salib u fir-rebħa tiegħu fuq il-ħażin u l-mewt.

L-Arċisqof fakkar fil-messaġġ tiegħu lill-ġurnalisti waqt l-omelija tal-funeral ta’ Daphne, biex ma jibżgħux, biex qatt ma jgħejjew fl-irwol tagħhom li jkunu l-għajnejn, il-widnejn u x-xofftejn tal-poplu, mingħajr biża’ u b’rispett sħiħ lejn il-verità.

“Kont għedt, ‘aħna għandna bżonnkom ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti’”.

Mons. Scicluna stqarr li l-mewt ta’ Daphne kienet l-ewwel assassinju fl-Unjoni Ewropea, “ħielsa u demokratika, ta’ ġurnalista maħsuda mill-ħajja minħabba l-qadi ta’ dmirijietha; imma ma kienx l-aħħar”.  Huwa fakkar u sellem il-memorja ta’ ġurnalisti oħra li nqatlu matul din is-sena u talab biex kulħadd iżommhom f’talbu. Insista li aktar minn qatt qabel il-ġurnalisti jeħtieġu l-protezzjoni tal-Istat u tas-soċjetà biex iħarsu l-libertajiet taċ-ċittadini kollha.

Aqra l-messaġġ sħiħ hawn.

“L-għajta għall-ġustizzja u l-verità m’għandhiex tiskot qabel tintlaqa’” – Kan. Cilia

Intant, fl-omelija tiegħu, id-Delegat tal-Arċisqof, Kan. David Cilia saħaq li l-għajta għall-ġustizzja u l-verità m’għandhiex tiskot qabel ma tiġi milqugħa.  Stqarr li hu fl-interess ta’ soċjetà b’saħħitha, li tirrispetta d-demokrazija u s-separazzjoni tal-poter.  Insista li s-soċjetà għandha jkollha trasparenza fl-affarijiet pubbliċi, li l-informazzjoni tkun permessa tiċċirkola liberament, u li l-ġurnalisti jkunu tassew ħielsa, mhux biss għax mhux imsikkta bħal Daphne, imma lanqas ippersegwitati jew f’biża’ ta’ ritaljazzjoni.

“Il-ġurnata meta qatlu liz-zija ma riedet tgħaddi b’xejn”

In-neputija ta’ Daphne Caruana Galizia, Amy Mallia, irrakkuntat fuq Facebook kif bħal-lum sena, meta rċeviet l-aħbar tal-assassinju, il-ġurnata ma riedet tgħaddi b’xejn. Irrakuntat il-mument meta ommha rċeviet it-telefonata u l-qsim ta’ qalb u biki li segwew l-aħbar.

Spjegat li fittxet fuq li fittxet tittama li kien hemm xi ħadd li salva l-karozza bomba, iżda dan ma seħħ qatt. Irrakkuntat il-ħarsa tan-nanniet tagħha meta saru jafu li tilfu lil binthom.

“Mhu se ninsewk qatt”

Attivisti nġabru fil-Bidnija sabiex jikkommemoraw is-sena mill-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Dawk kollha preżenti żammew f’idejhom kartelluni bin-numru 365 fuqha, li jissinjifikaw in-numru ta’ ġranet li għaddew mill-assassinju. Huma għamlu tliet minuti ta’ silenzju li ġew segwiti mill-qari ta’ Ecclesiastes 3 mill-attur Manuel Cauchi. Qabel, dawk kollha preżenti poġġew żigarelli vjola fuq siġra.

Għall-attività attendew l-Ewroparlamentari Soċjalista Anna Gomez, u l-Ewroparlamentari Maltin David Casa u Roberta Metsola kif ukoll għad ta’ NGOs internazzjonali inkluż iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġurnalisti u l-Ħelsien tal-Midja, l-Istitut għall-Ġurnalisti Internazzjonali, Reporters Without Borders, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti u PEN International.

Illejla se ssir Quddiesa b’sufraġju għall-ġurnalista investigattiva, iċċelebrata minn Rev David Cilia, li ġie appuntat mill-Arċisqof Charles Scicluna. Wara se ssir mixja minn quddiem il-ħanut tal-Wembley, għall-quddiem il-Qorti. L-avvenimenti qed jiġu organizzati minn Occupy Justice u manueldelia.com f’kampanja bl-isem ta’ “Truth and Justice.”

“Il-Gvern kommess li ssir ġustizzja”

Il-Gvern Malti sostna li jinsab kommess li ssir ġustizzja għall-assassinju li ddeskriva bħala “vjolenza li ma tagħmilx sens”. Sostna li bħalissa hemm tliet persuni taħt arrest akkużati bil-qtil tal-ġurnalista u insista li jinsab kunfidenti li kull min hu responsabbli jew kellu x’jaqsam mad-delitt se jinstab u se ssir ġustizzja. Irrimarka li se jibqa’ jagħti s-sapport kollu lill-Korp tal-Pulizija u l-Maġistrati li qed jinvestigaw.

Fl-istqarrija l-Gvern Malti wera solidarjetà mal-familja tal-ġurnalista assassinata filwaqt li saħaq li se jkompli jissielet għad-drittijiet umani, il-ħelsien tal-kelma u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, kif ukoll is-Saltna tad-Dritt fil-Gżejjer Maltin.

“Sena wara u l-poplu għadu jistenna” – Delia

F’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li minkejja li għaddiet sena mill-mewt tal-ġurnalista, l-poplu għadu qed jistenna li ssir ġustizzja.

Jakkumpanja l-kliem tiegħu hemm ukoll ritratt li jiddeskrivi lill-ġurnalista assassinata bħala “omm, bint, mara u ġurnalista”.

Sena wara l-qtil tal-ġurnalista #DaphneCaruanaGalizia l-poplu għadu qed jistenna li ssir #gustizzja. #socjetalijimpurtaha

Posted by Adrian Delia on Monday, October 15, 2018

“Theddida mill-aktar gravi għad-drittijiet taċ-ċittadini” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa “theddida mill-aktar gravi għad-dritt ta’ kull ċittadin għal-libertà tal-espressjoni, għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u għat-tħaddim tar-rispett lejn il-liġi f’pajjiżna.”

Sostna li dan il-qtil ħalla impatt qawwi wkoll fuq it-tħaddim tad-demokrazija u r-reputazzjoni tal-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista tenna t-talba għal “inkjesta awtonoma u indipendenti sabiex jiġi stabbilit x’azzjoni ttieħed mill-awtoritajiet biex il-ġurnalista tingħata l-protezzjoni u jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat.”

Delia poġġa kuruna tal-fjuri quddiem il-mafkar ta’ Daphne. Hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.

Il-President b’mument ta’ silenzju

Il-President ta’ Malta Maria-Louise Coleiro Preca dalgħodu talbet għal ftit mumenti ta’ silenzju qabel id-diskors tal-ftuħ li kellha tagħmel għall-konferenza tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Il-President talbet lil dawk kollha preżenti sabiex jiftakru fl-attroċità tal-assassinju. Irrimarkat li okkażjoni bħal din isservi bħala tfakkira sabiex tkompli l-ġlieda għall-ħelsien tal-kelma.

“Ma tistax toqtol il-verità” – PD

Fi stqarrija fl-anniversarju tal-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Partit Demokratiku sostna li l-verità qatt ma tista’ toqtolha. Reġa’ tenna għal inkjesta pubblika indipendenti hekk kif skonthom il-Gvern s’issa falla milli jonora l-obbligazzjonijiet li jinstab il-mandant tal-assassinju.

Il-Partit sostna li daqs kemm hu responsabbli l-Gvern, hu responsabbli l-Kap tal-Oppożizzjoni għax skontu kkrea klima politika li ppermettiet li ddgħajjef lil Caruana Galizia u twassal “għall-qtil opportun tagħha.”

“Daphne, ma nsejniekx u mhux se ninsewk” – Tajani

Il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani qal fi Tweet li Daphne ma ntesietx u mhux se tintesa. Sostna li sena wara mewtha, il-Parlament Ewropew għadu qed jgħajjat għall-ġustizzja.

Minuta ta’ silenzju mill-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum għamlet  minuta ta’ silenzju sabiex tfakkar lill-ġurnalsita assassinata Daphne Caruana Galizia, kif ukoll lil Jan Kuciak u ġurnalisti oħrajn li nqatlu minħabba x-xogħol tagħhom.

Fi stqarrija ffirmata mill-Ewwel Viċi President Timmermans, il-Viċi President Ansip u l-Kummissarji Jourová u Gabriel sostnew li din hija wkoll okkażjoni għall-Ewropa sabiex tieqaf minuta u taħseb dwar id-dritt uman li titkellem b’mod ħieles. 

Il-Kummissjoni affermat il-pożizzjoni tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u l-midja ħielsa. Sostniet li d-demokrazija ma tistax teżisti jekk il-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jirrapportaw liberament, jekk ikunu suġġetti għal ċensura, jekk ma jitħallewx jikkritikaw lil dawk fil-poter u speċjalment jekk jiġu intimidati, iffastidjati, mhedda u anke maqtula għax jagħmlu xogħlhom.

Strixxuni madwar Malta: “Sena wara bla ġustizzija”

Kartelluni bil-frażi “One year … no justice” deheru mdendla minn numru ta’ postijiet madwar Malta dalgħodu. Jidher li dawn twaħħlu minn xi attivisti li s’issa għadhom mhux magħrufa, propju għeluq is-sena mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Propju ftit jiem ilu, qabel l-anniversarju mill-mewt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, 60 ġurnalist Taljan iffirma dikjarazzjoni li titlob il-verità dwar l-assassinju tagħha. Intant, fi Franza qed tiġi mfakkra l-ġurnalista, issa li isimha tniżżel f’mafkar fil-War Reporters Memorial fit-Tramuntana ta’ Franza.

“Ma nittollerawx soċjetà li taċċetta assassinju ta’ ġurnalista” – IĠM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sostna li ma jistax jittollera soċjetà fejn persuni jħossuha faċli li jikkunsidraw l-issilenzjar ta’ ġurnalist u jitħallew mingħajr ma jpattu għal dak li għamlu. Sostnew li d-dritt għall-ħelsien tal-kelma huwa pilstru fundamentali tad-demokrazija.

Studenti fl-Università jgħidu tagħhom

Vox-pop: Daphne Caruana Galizia

Take a look at what university students think 1 year after the assassination of Daphne Caruana Galizia…Filmed by Daniel Liam CutajarEdited by Dani Pala and Naomi Bugre Insite Malta The Third Eye The Yuppie

Posted by Insite Malta on Monday, October 15, 2018

“L-aħħar blogg ta’ Daphne kien dwar Keith Schembri” – Busuttil

L-eks-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fakkar fl-artiklu li Daphne kienet għadha kemm ippublikat propju 20 minuta qabel l-assassinju tagħha. Spjega kif bħal daż-żmien sena kien qed jixhed fil-Qorti dwar każ li fetaħ kontrih iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri li sostna li nqabad f’każ ta’ ħasil ta’ flus. Irrimarka li Caruana Galizia kitbet dak kollu li kienet taħseb dwaru fl-aħħar blogg tagħha.

Daphne tellgħet l-aħħar blogg tagħha 20 minuta qabel ma nqatlet:

Vġili għal Daphne fi Brussell – Zammit Dimech

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech attenda għal vġili ta’ silenzju fi Brussell li saret sabiex tfakkar l-assassinju tal-ġurnalista.

“L-istejjer tagħna jfakkru l-legat ta’ Daphne” – Forbidden Story

Fi Tweet, il-ġurnalisti ta’ Forbidden Stories li bħalissa qed jaħdmu fuq The Daphne Project, qalu li l-istejjer tagħhom huma l-legat li ħalliet warajha Daphne, u xejn minnhom ma kien ikun possibli jekk mhux għar-rapportaġġ bla biża’ tagħha.