Ritratti: Karozzi pparkjati fuq bus stops jeħlu multa ta’ €105 – TM

Miguela Xuereb

Read in English.

Karozzi li jiddeċiedu li jipparkjaw jew jieqfu fuq waqfa tal-karozzi Tal-Linja u jinqabdu jeħlu multa sa massimu ta’ €104.82 skont kelliem għal Transport Malta.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Transport Malta wara li residenti, b’mod partikolari fil-Mosta qalu ma’ Newsbook.com.mt li jinsabu diżgustati bin-nuqqas ta’ azzjoni li tittieħed fil-konfront ta’ persuni li jipparkjaw b’mod illegali fuq waqfiet Tal-Linja. Huma rreferew għal Triq il-Kostituzzjoni u qalu li minkejja li l-Kunsill Lokali u l-għassa tal-Pulizija huma qrib, xorta waħda l-karozzi jibqgħu jitħallew jipparkjaw b’dan il-mod.

Il-kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li numru ta’ uffiċjali għall-infurzar jagħmlu rondi regolari u jaġixxu fuq rapporti li jaslu lill-Awtorità. Qal li f’każ li vetturi jipparkjaw fuq waqfiet għal Tal-Linja, l-uffiċjali joħorġu multa ta’ €23.25 jew ta’ €104.82 skont id-dettalji tal-każ.

Il-kelliem spejga li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-uffiċjali ta’ Transport Malta ħarġu iktar minn 3,400 multa, li porzjon minnhom li ma ġiex speċifikat huma multi ta’ karozzi pparkjati fuq waqfiet.

Intant spjega li minn żmien għal żmien Transport Malta torganizza Kampanji Edukattivi sabiex tgħin lis-sewwieqa jsiru aktar konxji mill-azzjonijiet tagħhom waqt li jkunu qed isuqu. Sostna li ħafna mis-sewwieqa ma jirrealizzawx li meta jipparkjaw illegalment jista’ jkun li jikkawżaw ammont ta’ traffiku, għaliex vettura kbira bħal karozza Tal-Linja ma tkunx tista’ tgħaddi jew inkellha jkollha tieqaf f’nofs ta’ triq. Qal li dan jista’ joħloq sitwazzjonijiet perikolużi fejn dawk li jinżlu minn Tal-Linja, jkollhom jagħmlu dan f’nofs it-triq. Għaldaqstant appella sabiex is-sewwieqa jkunu iktar kawti meta jipparkjaw il-vetturi tagħhom.

Newsbook.com.mt bagħat ukoll mistoqsijiet lill-Pulizija li spjegat li ta’ kuljum u fuq bażi regolari tħarrek diversi vetturi b’rabta ma’ kontravenzjonijiet simili. Qalet li l-ammont tal-multi jiddependi mill-offiżi li l-vettura tkun ġiet imħarrka fuqhom.

Newsbook.com.mt għamel ukoll kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Mosta dwar l-allegazzjonijiet tar-residenti. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu ma kinitx għadha waslet risposta.