Ritratti: Karattru ġdid fis-sensiela Sorelle

Ritratt: Rewind

Rewind Productions bħalissa jinsabu impenajti biex jiffilmjaw l-episodji l-ġodda tas-sensiela Sorelle li r-repetizzjonijiet tagħha qed jixxandru fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-1.15pm. F’kull ġurnata jixxandru żewġ puntati wara xulxin.

Fl-episodji li jmiss se nkunu qed niltaqgħu ma’ karattru ġdid, dak ta’ Francesca, jew aħjar Franny. Iżda kif se tidħol fl-istorja?

“Mhux se niżvelaw wisq għalissa,” qaltilna Evelyn Saliba La Rosa, waħda mill-awturi u producers ta’ din is-sensiela. “Però Franny hu karattru li se jeħodna lura fit-tfulija ta’ Jodi. Lil Jodi se nkomplu narawha bħala adulta, interpretata mill-ġdid minn Mandy Grimaud. Però fl-episodji l-ġodda se niskopru li Jodi għandha farrett kbir fuq daharha u b’hekk fl-istorja se niskopru aktar dwar dan,” kompliet tispjega Evelyn Saliba La Rosa.

Il-parti ta’ Franny se jkun interpretat minn Shannon McEvoy filwaqt li Dea Sammut se tinterpreta mill-ġdid lil Jodi żgħira.

Franny mhux se jkun l-unika karattru ġdid fl-istaġun il-ġdid ta’ Sorelle. Filfatt se nkunu qed niltaqgħu wkoll mal-karattru ta’ Carly. Iżda s’issa ma rnexxilniex niksbu wisq dettalji.

“Għadu daqsxejn kmieni biex niżvelaw aktar,” qalilna Dr Michael Vella Haber, l-awtur l-ieħor f’din is-sensiela, waqt li aċċertana li Sorelle l-ġdid se jkun eċċitanti daqs l-ewwel staġun, jekk mhux aktar.

“Se niskopru ħafna affarijiet ġodda u fl-episodji li bdejna niffilmjaw bħalissa is-Sorelle għandhom f’idejhom każ ġdid,” temm jgħidilna Dr Vella Haber.