Ritratti: Joseph u Michelle joħorġu minn Kastilja għall-aħħar darba

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle ħarġu għall-aħħar darba minn ġol-Berġa ta’ Kastilja, l-uffiċċju ta’ Muscat għal dawn l-aħħar sitt snin, qabel ma Muscat ta r-riżenja tiegħu lill-President George Vella.

F’ritratti ppubblikati mill-Gvern Malti, il-koppja Muscat jidhru ħirġin minn Kastilja mdawrin b’ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qegħdin isellmulhom għall-aħħar darba.

Muscat u martu mbagħad attendew għaċ-ċerimonja tal-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid, Robert Abela, fil-Palazz tal-President.

Muscat se jħalli l-kariga li okkupa għal seba’ snin taħt dell tqil, wara li kellu jirreżenja minħabba r-rivelazzjonijiet li bdew ħerġin mill-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ewlenija fosthom, li l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju. Muscat qal ripetutament li hu ħallas l-ogħla prezz biex tissolva l-investigazzjoni bir-riżenja tiegħu.

Dalgħodu stess, Joseph Muscat awgura lis-suċċessur tiegħu għall-futur tiegħu b’ritratt tal-familji Muscat u Abela fuq Instagram.

Ilbieraħ, fl-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li filwaqt li mhux se jagħlaq għajnejh għall-iżbalji li saru, beħsiebu jżomm il-proġett ta’ Joseph ħaj u b’saħħtu.

Dan qajjem dubji f’xi wħud li kienu qed jistennew bidla u mhux kontinwità, bħall-Oppożizzjoni, li ddeskriviet lil Abela bħala verżjoni oħra ta’ Joseph Muscat.