“Ma xtaqtx nitlaq f’dawn iċ-ċirkostanzi” – PM

Aġġornat 01:54 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li dawn ma kinux iċ-ċirkustanzi li xtaq jinżel fihom. Il-mexxej Laburista dalgħodu żar tliet lokalitajiet fejn iltaqa’ mal-partitarji Laburisti fit-tmiem it-tmexxija tiegħu.

“Ġej perjodu eċitanti għall-Partit Laburista” – Muscat fin-Naxxar

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu dejjem għamel dak li hu l-aħjar għall-pajjiż, refa’ dak li kellu jerfa’ u b’serenità jaf li l-moviment li beda qablu mhux se jispiċċa miegħu.

Meta kien qed jitkellem fin-Naxxar, Muscat qal li dan il-moviment la beda miegħu u lanqas mhu se jispiċċa miegħu jew meta jilħaq mexxej ġdid fit-12 ta’ Jannar, iżda se jkompli jissaħħaħ u ġej perjodu eċitanti meta wieħed iqis il-kwalitajiet u l-valuri taż-żewġ persuni li resqu ‘l quddiem biex jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-partit.

Huwa qal li filwaqt li proċess simili kisser għal dejjem il-Partit Nazzjonalista, dan mhux se jseħħ fil-Labour għax tgħallem mill-iżbalji tal-passat u għażel li jkun il-Partit Laburista li jikteb l-istorja tiegħu.

“Minn kaptan se ninżel baħri, biex nagħti messaġġ” – Muscat f’ Ħaż-Żebbuġ

Fit-tieni lokalità f’Ħaż-Żebbuġ, Muscat qal li minn kaptan issa se jinżel baħri minkejja li n-numri jibqgħu jagħtu raġun iżda hekk kien hemm bżonn li jsir biex jgħaddi messaġġ lill-oħrajn.

Huwa qal li jinsab ċert li bit-tmexxija l-ġdida tal-Partit Laburista ser jibqa’ magħqud . Stqarr li dan il-moviment għadu ġej minn għaxar rebħiet elettorali u li żgur ser ikompli jżid f’dawn in-numri.

“Jien l-aktar persuna trankwilla f’dawn iċ-ċirkostanzi” – Muscat f’Raħal il-Ġdid

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu l-ikbar bniedem trankwil fiċ-ċirkustanzi li nqalgħu dan l-aħħar waqt li hu Adrian Delia li għandu għalfejn jinkwieta hekk kif issa sħabu se jduru għalih.

Huwa qal il-ġimgħa li għaddiet beda jgħix mill-ġdid hekk kif naqsu t-telefonati u l-imejls tax-xogħol. Muscat stqarr li dawn ma kienux iċ-ċirkustanzi li fihom xtaqt jinżel minn Prim Ministru iżda l-Gvern Laburista mhux qed jitfa’ l-problemi taħt it-tapit. “Aħna mhu qed inħarsu lejn wiċċ ħadd,” stqarr Muscat.

Muscat qal li kien hemm bżonn jingħata sinjal politiku b’saħħtu fejn il-mexxej il-ġdid ma jitgħabbiex b’żbalji li setgħu saru jew ħaddieħor jaħseb li saru.

“Hawn min hu ġenwinament irrabjat b’dak li ġara iżda din is-sitwazzjoni tista’ tissolva biss minn dan il-moviment li għandu idejh fuq il-poloz tan-nies,” hu saħaq.

Din il-mawra qed issir ġimgħa wara li l-istess Dr Muscat ħabbar li se jkun qed jirriżenja minn Prim Ministru u Mexxej tal-PL f’Jannar li ġej, wara li jintgħażel mexxej ġdid.

L-għada, f’intervista fuq One Radio, kien qal li fl-aħħar ħames ġimgħat li fadallu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, jippjana li jmur f’numru ta’ lokalitajiet “biex niltaqa’ man-nies, nagħmlu kuraġġ lil xulxin, ngħannqu lil xulxin”. Irringrazzja lil kulħadd għall-imħabba lejh.