Ritratti: Joqtol 5 persuni f’kamra tal-aħbarijiet

Reuters

Read in English.

Raġel li ilu f’diżgwid mal-gazzetta Capital Gazette f’Annapolis fl-Istati Uniti daħal fil-kamra tal-aħbarijiet tagħhom b’senter fejn qatel minn tal-inqas ħames persuni f’waħda mill-eħrex attakki fuq entità tal-midja fil-pajjiż.

Skont Reuters, is-suspettat spara għall-bieb tal-ħġieġ, fittex għall-vittmi imbagħad qabad jispara bl-addoċċ fuq dawk li kienu jinsabu fil-kamra tal-aħbarijiet. Dan ikkonfermawh kemm xhud, kif ukoll pulizija li kienu fuq il-post.

Wieħed mill-vittmi huwa propju l-assistent editur tal-gazzetta, Rob Hiaasen ta’ 59 sena.

Il-vittmi l-oħra huma Wendy Winters ta’ 65 sena, Rebecca Smith ta’ 34 sena, Gerald Fischman ta’ 61 sena u John McNamara. Filwaqt li Smith kienet sales assistant, il-bqija kienu kollha ġurnalisti.

Skont bosta gazzetti, inkluż il-Capital Gazette, l-aggressur huwa Jarrod Ramos, ta’ 38 sena. Madanakollu l-pulizija qalu li minħabba l-investigazzjonijiet li hemm għaddejja għandhom ma ħabbrux l-isem tal-aggressur b’mod uffiċjali.