Ritratti: Joħorġu aktar dettalji tal-akbar sejba tal-kannabis

Dwana

Id-Dipartiment tad-Dwana qal li l-akbar sejba tad-droga kannabis saret wara li fuq żewġ kontejners minn erba’ l-apparat tal-iscanning inidika b’mod ċar inkonsistenza fil-kontenut tagħhom.

Fi stqarrija, id-Dipartiment qal li ntemmet il-ħidma b’rabta mal-każ wara jumejn u żewġ iljieli. Qal li issa huwa f’pożizzjoni li jikkonferma li l-qabda ta’ droga kienet tammonta għal 10,729.40 kilogramm ta’ raża tal-kannabis li, fis-suq, iġġib prezz ta’ madwar €28.5 miljun.

Jinfetaħ l-ewwel kontejner…

Skont id-Dwana, l-ewwel kontejner li nfetaħ, li kien dikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel li suppost kienu mimlija bid-deterġent inħarġu 28,436 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,687.20 kilogramm.

Mit-tieni kontejner li nfetaħ, li wkoll kien dikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel inħarġu 25,211 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,042.20 kilogramm.

Fi kliem id-Dwana, “dawn iż-żewġ kontejners kienu dawk li l-immaġni tal-iscanner indikat fihom possibilta’ kbira ta’ droga, biex, b’hekk, minn eżami fiżiku ġie kkonfermat is-suspett li indika l-iscanner.

U x’instab fit-3 u fir-4 kontejners?

“It-tielet kontejner , li l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien ukoll dikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, infetaħ ukoll u ġie eżaminat barmil, barmil. Fih ma rriżulta l-ebda sejba ta’ droga. Ir-raba’ kontejner , li wkoll l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien dikjarat li kien qed iġorr lampi tal-welding (blow torches), infetaħ ukoll, pero ma rriżulta l-ebda sejba ta’ droga.”

Id-Dipartiment tad-Dwana rringrazzja lill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, lit-tim Forensiku, lid-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Port il-Ħieles, u lill-Uffiċjali kollha tad-Dwana.

Il-Gvern Malti kien feraħ lid-Dipartiment tad-Dwana filwaqt li rrimarka li din kienet l-ikbar qabda fl-istorja tal-Gżejjer Maltin, kemm fil-piż kif ukoll fil-valur.

 

Il-ġimgħa l-oħra, fl-okkażżjoni  ta’ Jum id-Dwana, fi żmien fejn ukoll id-Dipartiment tad-Dwana qed ifakkar il-50 Anniversarju tal-Customs Union, id-Dwana inawgurat it-Taqsima l-ġdida tal-Klieb, fi ħdan it-Taqsima tal-Infurzar, flimkien mal-introduzzjoni ta’ apparat sofistikat analitiku, imħaddem mill-Customs Intelligence Service.

Id-Dwana tirċievi €220,000 mill-OLAF

Fi stqarrija separata, id-Dwana qalet li rċeviet aktar minn €220,000 mill-OLAF, l-Uffiċju Ewropej Kontra l-Frodi.

Id-Dwana qalet li “t-taqsima tal-klieb, magħmula minn tmien tims tal-canine u instructor, u l-apparat teknoloġiku u investigattiv huma ntiżi biex jgħinu lid-Dipartiment tad-Dwana fil-ġlieda mingħajr waqfien kontra l-kuntrabandu u attività llegali oħra marbuta mal-importazzjoni ta’ oġġetti maħsuba biex jevadu t-taxxa jew li l-importazzjoni tagħhom hi kontra liġi, fosthom tabakk, flus, sustanza narkotika u prodotti foloz.”