Ritratti: Jiżżewġu l-atturi Clive Piscopo u Claire Buhagiar

Ritratt: Kitz Klikz (keith darmanin u Etienne Farrell)

Proprju jumejn ilu, it-Tnejn 7 ta’ Diċembru, fil-knisja ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ iżżewġu l-atturi Clive Piscopo u Claire Buhagiar. Il-koppja għamlu dan il-pass wara sentejn għerusija.

“L-imħabba li dawruna biha l-ġenituri, il-familja u ħafna ħbieb ġenwini pattiet għat-torturi u t-tensjoni li tefgħet fuqna l-pandemija. Kienet waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajjitna,” ikkumment ma’ newsbook.com.mt l-attur Clive Piscopo li rajnieh fil-karattru tal-Ispettur Abela fis-sensiela L-Għarusa.

Lil Clive rajnieh ukoll bħala Dr Mark Laferla fis-sensiela Ħbieb u Għedewwa.

Clive imexxi Theatre Lab Malta fejn iħarreġ tfal żgħar jimxu ‘l quddiem fix-xena teatrali. Huwa kien wieħed mill-awturi ta’ Dar Darun, u dderieġa It-Tfajjel ta’ Fuq il-Bandla, Inverżjoni. Kiteb ukoll Fejn Jeħodna r-Riħ u Meta Ġrejna Wara X-Xemx.

Clive kien kiteb ukoll is-sensiela Anġli: Kapitlu Ġdid.

Claire ukoll hija wiċċ magħruf u fuq it-televiżjoni konna rajnieha fis-sensiela Santa Monika. Hija tat is-sehem tagħha f’diversi avvenimenti kif ukoll fi produzzjonijiet teatrali bħal Meta Ġrejna Wara x-Xemx, Sulluzzu, Mhux is-Soltu Francis, u Hekuba.

Clive u Claire qasmu wkoll magħna ritratti li juru bosta mumenti mill-jum speċjali tagħhom:

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Clive u lil Claire f’dan il-kapitlu ġdid ta’ ħajjiethom.