Fil-Park and Ride tal-Furjana, il-Malta Public Transport żanżnet 50 karozza tal-linja ġdida b’investiment ta’ €11-il miljun. B’hekk il-flotta ta’ karozzi tal-linja f’Malta tela’ għal 428 li kollha għandhom magna Euro 6 minflok Euro 5.
Fost il-karatteristiċi li wieħed isib fuq dawn il-karozzi tal-linja hemm:
- l-aċċessibbiltà
- spazju fejn tiċċarġja l-mobile
- żieda fil-kapaċità ta’ kull karozza tal-linja hekk kif minflok karozzi ta’ 9 metri issa dawn se jkunu ta’ 12-il metru u b’hekk jistgħu jgħabbu aktar nies. F’kull karozza tal-linja issa se jkunu jistgħu joqogħdu kważi 100 persuna.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar dan l-investiment, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar snin is-servizz tat-trasport pubbliku fil-gżejjer Maltin għamel qabża kbira ta’ kwalità bis-saħħa tal-investiment kbir li kompla jsir fil-vetturi “li llum huma mgħammra bl-aqwa faċilitajiet għall-passiġġieri”.
Il-Prim Ministru żied li llum il-pubbliku Malti u Għawdxi reġa’ kiseb il-fiduċja fis-servizz tal-karozzi tal-linja. Stqarr li fl-ewwel xahrejn tas-sena biss, il-karozzi tal-linja għabbew madwar erba’ miljun u ħames mitt elf passiġġier kull xahar, żieda ta’ 19 fil-mija jew medja ta’ miljun passiġġier aktar kull xahar meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg sostna li dan l-investiment qed jagħmel il-flotta Maltija waħda mill-aktar nodfa u l-iżgħar f’termini ta’ età għal kull karozza. Qal li sas-sena li għaddiet madwar 60,000 persuna gawdew minn trasport pubbliku b’xejn permezz tal-inizjattivi Bus20+ u Bus75+.