Ritratti: Jiżdiedu l-karavans f’Ta’ Fra Ben; issa f’idejn il-Pulizija

Miguela Xuereb

Il-Karavans viċin il-bajja ta’ Fra Ben, ma’ Triq il-Kosta fil-Qawra jidher li qed jerġgħu jiżdiedu.

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li n-numru ta’ karavans s’issa tela’ għal 12, meta s-sena l-oħra kien hemm biss erba’. Sostna li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jimblukkaw il-bankini tant li ma jħallux spazju għall-pubbliku sabiex jaċċesshom.

Irrimarka li issa, bosta minn dawn il-karavans qed jarmaw tined li jwasslu mill-karavans għall-ħajt ta’ mal-bankini, fejn hemm ukoll bosta bankijiet pubbliċi. Spjega li jekk xi ħadd jipprova jgħaddi minn dawn iż-żoni “kemm kemm ma jħarsulekx bl-ikraħ”.

Newsbook.com.mt ikkuntattja wkoll lis-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex jara x’azzjoni ttieħdet dwarhom. Anne Marie Fenech spjegat li wara diversi rapporti u lmenti li rċevew mir-residenti, kienu għamlu rapport lill-Pulizija sabiex jieħdu azzjoni min-naħa tagħhom. Hi spjegat li mhix taħt il-kompetenza tal-Kunsill Lokali li dawn il-karavans jintalbu jersqu miż-żona.

Meta mistoqsija jekk dawn humiex hemmhekk kontra l-liġi, Fenech insistiet li ma tistax tikkonferma jekk huma illegali jew le. Irrimarkat li sa dak il-ħin kienu għadhom ma semgħu xejn lura mill-għassa. Allura issa f’idejn il-Pulizija jekk tittiħidx azzjoni.

Fir-ritratti li ħa Newsbook.com.mt jidher li saħansitra kien hemm min waħħal mirja mal-ħitan pubbliċi.