Aġġornata: “Is-siġar fix-Xewkija ġew rilokati biex jitnaqqsu l-inċidenti”

Kif jidhru issa // MGOZ

Read in English.

Siġar fix-Xewkija nqalgħu minn post u tqiegħdu xi mkien ieħor peress li qed issir roundabout, sabiex jiġu evitati inċidenti f’dan il-post.

Triq Ħamrija lbieraħ sebħet kemxejn differenti peress li siġar tal-palm li kienu ilhom hemm għal numru ta’ snin tqaċċtu minn ħidma tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministeru informa lil Newsbook.com.mt li s-siġar ġew rilokati f’Ulysses Grove.

Il-proċess ta’ rilokazzjoni kien taħt is-superviżjoni ta’ nies imħarrġa mid-Direttorat ta’ Rural Gozo, fejn is-siġar ġew ukoll trattati għal xi infestazzjoni jew mard ieħor. Il-palm tneħħa peress li fil-post se ssir roundabout biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti li ġeneralment ikun hemm f’dan il-post.

“Għawdex qed isir ġungla tal-konkrit bħal Malta”

Għadd ta’ Għawdxin urew id-diżappunt u r-rabja tagħhom dwar dan fuq Facebook. Wieħed mill-Għawdxin qal li xi partijiet f’Għawdex ifakkruh fis-Sirja. Oħrajn qalu li Għawdex qed isir “ġungla tal-konkrit” bħal Malta. Mara oħra qalet li minħabba x-xogħlijiet f’din it-triq, kien hemm numru ta’ inċidenti.