Ritratti: Jitpoġġew aktar sinjali quddiem Pilatus Bank u l-Ambaxxata Griega

Kmieni dalgħodu, ir-#reżistenza ħalliet aktar sinjali b’messaġġi fuqhom mal-entraturi tal-Bank Pilatus, u issa wkoll quddiem l-Ambaxxata Griega bil-għan li tkompli tiġi protetta l-whistleblower Russa u jipprotestaw il-bank f’Malta.
Skont kelliema għar-#reżistenza, ħames uffiċjali tal-Pulizija tfaċċaw quddiem il-Bank Pilatus ftit tal-minuti wara li twaħħlu dawn is-sinjali u neħħewhom kollha.
Newsbook.com.mt ikkuntattja l-Pulizija dwar il-każ fejn ikkonfermaw li tpoġġew dawn is-sinjali kmieni dalgħodu, madanakollu ma setgħux jikkonfermaw jekk hux vera li l-Pulizija neħħewhom minn fuq il-post.
Fl-aħħar jiem, #reżistenza ħallew numru ta’ sinjali b’messaġġi fuqhom quddiem l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u l-Bank Pilatus.
Aktar tard, kienet saħansitra tpoġġiet washing machine fuq mafkar li jikkommemora l-ftuħ ta’ Pilatus Bank mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan wara li fil-jiem li għaddew ġie arrestat is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus, fl-Amerka b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.
Wara li sar dan, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), keċċiet is-sid tal-istess bank Ali Sadr Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet.
Aktar tard, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u biex jassumi kontroll tas-servizzi bankarji u servizzi ta’ investiment li għandu l-Bank.