Ritratti: Jitlesta r-restawr fuq pittura u Kurċifiss fil-Parroċċa tas-Siġġiewi

Proġett jitlesta bl-għajnuna tal-Bank of Valletta

Read in English.

Ġie fi tmiemu l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-pittura u l-Kurċifiss li jiffurmaw is-sett tal-Golgotha meqjuma fil-Parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.

Il-proġett li sar bl-appoġġ tal-Bank of Valletta u li kien fdat f’idejn ir-restawratriċi Agatha Grima, ġie inawgurat nhar il-Ġimgħa li għadda. Il-proċess kollu ta’ restawr kien jiffoka fuq it-tisħiħ tal-pittura u l-Kurċifiss li jmorru lura għall-1700. Il-pittura hija attribwita għal Michelangelo Marulli, artist Malti li dak iż-żmien kien qed jiprattika f’Ruma, waqt li l-Kurċifiss huwa xogħol l-iskultur Giovanni Battista Vanelli.

Waqt preżentazzjoni minn Agatha Grima, hija  spjegat li l-kundizzjonijiet ambjentali u interventi li sarulhom fil-passat kienu r-raġuni ewlenija għaliex dan is-sett kien fi bżonn qawwi ta’ konservazzjoni u restawr adegwat. Biex seta’ jkun magħruf il-livell ta’ ħsara, kellha tintuża l-fotografija, id-dawl ultra-vjola, raġġi tal-infrared, x-rays u radjografija.

Mill-istudji li saru, irriżulta li l-pittura maħduma biż-żejt fuq it-tila, kellha diversi trattamenti fuq xulxin, b’uħud minnhom saħansitra jitwettqu meta din kienet għadha f’postha. Permezz ta’ tindif li ma sarx kif suppost, il-pittura spiċċat biex anke tilfet il-forma minn diversi postijiet waqt li t-tila bdiet tiddgħajjef. Sar magħruf ukoll, li bil-għan li tissaħħaħ u tissewwa, fuq il-pittura kien intuża stukku li maż-żmien iktar għamel ħsara milli ġid. Il-verniċ kien sfar u mtela bit-trabijiet li wasslu biex il-kuluri ddalmu u l-pittura tilfet l-element vibranti li kellhom il-kuluri oriġinali.

Il-Kurċifiss ukoll instab fi stat fraġli, b’mod partikolari minħabba infestazzjoni ta’ insetti li għamlu ħsara fuq l-injam. Anke hawn, instab li l-interventi tal-passat wasslu biex inħolqu saffi żejda ta’ żebgħa bil-verniċ jiskura u jisfar.

Bl-għan li jisaħħaħ u jikkonsolida sew il-pittura kif ukoll il-Kurċifiss, sar trattament apposta li beda bi proċess ta’ tindif li mill-ewwel kixef ir-reqqa li bihom kien maħdum dan is-sett waqt li beda jikxef mill-ġdid is-sbuħija tiegħu.

Il-pittura u l-Kurċifiss reġgħu sabu posthom fil-Kappella tad-Duluri fil-Knisja ta’ San Nikola s-Siġġiewi waqt ċelebrazzjoni mill-Arċipriet tal-Parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru, fil-preżenza tal-konservatriċi Agatha Grima u tal-Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fi ħdan il-Bank of Valletta, Charles Azzopardi.

Dan it-tagħrif twassal mill-BOV.