Ritratti: Jitħarrġu għal emerġenza fl-ajruport

Illejla qed isir taħriġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) biex numru ta’ entitajiet ikun preparati jekk xi darba jkun hemm każ ta’ emerġenza.
Fi stqarrija, l-MIA qal li t-taħriġ qed isir biex jevalwa l-livell ta’ kemm huma ppreparati s-servizzi kollha li jkunu nvoluti jekk xi darba jseħħ xi inċident ta' veru fl-ajruport.
L-ajruport qal li t-taħriġ li qed isir huwa konformi mar-regoli tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA).
L-‘inċident’ tal-lum se jkun qed jinvolvi ajruplan B737-800 tal-Medina Air li se jasal Malta mill-Geneva b’74 passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ. L-ajruplan fl-‘inċident’ se jkun qed jesperjenza problemi tekniċi li minħabba fihom jispiċċa barra mir-runway wara l-inżul tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, numru ta’ passiġġieri jsofru ġrieħi serji u jkun hemm anke mwiet.
Dan l-eżerċizzju qed jiġi organizzat mit-tim tal-MIA b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ partijiet interessati ewlenin, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Isptar Mater Dei, il-Pulizija ta’ Malta, u r-rappreżentanti tal-linji tal-ajru. Barra minn hekk, grupp ta’ atturi u voluntiera se jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju fl-irwol ta’ passiġġieri midruba biex il-persuni li se jkunu qegħdin jagħtu l-ewwel assistenza jkunu jistgħu jipprattikaw proċeduri importanti bħat-triage, trattament, u trasport.

L-MIA qal li jwettaq eżerċizzji ta’ emerġenza fuq livelli differenti fuq bażi regolari bl-għan li jkompli jtejjeb il-Pjan ta’ Rispons għal Emerġenza tal-Ajruport u l-mezzi ta’ rispons.

Dan l-eżerċizzju jsir kull sentejn u peress li l-MIA huwa l-unika ajruport f'Malta, intqal li huwa importanti li jsir f'ħin qasir biex l-operat tal-ajruport jerġa’ lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun. Waqt l-attività tal-lum, l-MIA qalet li nvestiet €500,000 fil-preparamenti għall-emerġenzi u l-infrastruttura fuq ħames snin. Sar investiment fis-software tal-komunikazzjoni, fl-aircraft recovery, taħriġ, u fiċ-ċentru tal-emerġenzi.
Ritratti u Filmat: Ian Noel Pace