Ritratti: Jisirqulu l-kalċi li tawh ommu u missieru għall-ewwel quddiesa

Fost l-affarijiet li nsterqu matul dan il-lejl mill-Kolleġġjata ta’ Bormla kien hemm il-kalċi tal-viċi-Arċipriet Dun Reuben Vella.
Fuq Facebook, Dun Reuben tefa’ ritratt tiegħu qed iqaddes bil-kalċi li nsteraq u kiteb kif dan kien rigal ta’ ommu u missieru għall-ewwel quddiesa tiegħu.
Dun Reuben poġġa wkoll ritratt tal-pissidi li nsteraq mit-tabernaklu. Dan insteraq vojt, għax min żgassa t-tabernaklu battlu mill-Ewkaristija.
Fl-appell tiegħu, il-viċi-Arċipriet talab għal min wettaq ir-reat biex jindem minn dak li għamel u qal li jittama li b’dak li ġara, il-poplu Bormliż u kulħadd jibda jgħożż aktar dak li hu ta’ Alla, b’mod speċjali l-Ewkaristija.
Filfatt, kif stqarrew ħafna ma' Newsbook.com.mt, aktar mid-deheb u l-fidda misruqa, il-Bormliżi ħassewhom iddispjaċuti l-aktar għad-disrispett muri lejn l-Ewkaristija.
Intant Newsbook.com.mt irċieva ritratti tal-ħsara li saret fuq in-niċċa tal-Immakulata Kunċiżżjoni.
Mal-ħġieġa tweħħlu suckers għax min kien qed jisraq kellu l-ħsieb li jaqta’ tieqa fil-ħġieġ biex ikun jista’ jidħol jisraq il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għal xi raġuni ma rnexxilux u ħarab (jew ħarbu) mill-Knisja, mill-bieb prinċipali.
Apparti l-kalċi ta’ Dun Reuben insterqu erba’ kalċijiet oħra mill-kaxarretti tal-Kanonċi ta’ din il-kolleġġjata.
L-aktar ħaġa prezzjuża li nsterqet kienet labra tad-djamanti li tintlibbes lill-kwadru titulari inkurunat fi żmien il-festa f’Diċembru. Din il-labra kienet fis-sagristija għax kienet għadha kemm waslet mir-restawr.
Intant il-quddiesa li saret illejla kienet b'riparazzjoni għall-profanazzjoni tal-knisja u l-Ewkaristija.

Ritratt 1: Il-kalċi misruq ta' Dun Reuben
Ritratt 2: Il-pissidi misruq mit-tabernaklu
Ritratt 3: Il-ħsara fuq il-ħġieġa tan-niċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni (Matthew Tonna Gillford)
Ritratt 4: Il-labra tad-djamanti li nsterqet mis-sagristija