Ritratti: “Qered” xelters għall-qtates fi ġnien fl-Imdina; “Ordni tal-Kunsill”

Aġġornat 01:08 PM
Animal Guardians Malta

Il-paġna ta’ Facebook Animal Guardians Malta rċeviet u ppubblikat numru ta’ ritratti fejn raġel jidher iżarma u jġorr l-injam li qabel kien iservi bħala xelters għall-qtates fi ġnien pubbliku fl-Imdina. Intant, kelliem għall-kumpanija tat-tindif tal-Kunsill Lokali tal-Imdina qal li ż-żona kienet mandra u li fil-ġnien ma jgħixux qtates.

L-amministraturi tal-paġna qalu li ħassew li kien fi dmir tagħhom li jippubblikaw dawn ir-ritratti li ttieħdu minn persuni barranin. Huma qalu li dawn il-persuni jżuru l-ġnien ta’ kuljum u raw lir-raġel jidħol taħt l-arbuxelli u jiġbed lejh ix-xelters. Huma saħansitra bagħtu ritratt tal-pjanċa tal-karozza.

Din il-post qajment rabja kbira qalb dawk il-persuni li tant iħobbu l-annimali, b’mod partikolari l-qtates. Kienu diversi dawk li kkummentaw fuq il-post.

Ħafna appellaw sabiex isir rapport lill-Pulizija dwar dan. Oħrajn qalu li għandha tittieħed azzjoni kontrih u li jkun sforzat  jerġa’ jpoġġi kollox kif kien qabel.

Persuna partikolari qalet li qed tibża’ li hawn xi ordni nazzjonali biex jitneħħew għax sostniet li każi bħal dawn qed jiġru ta’ spiss. Oħra insistiet li “qabel ma jkun hemm multi ħorox, mhux se jkun hemm qatt rispett lejn l-annimali.”

Foreigners who love cats sent us these pics of someone destroying and removing cat shelters in a public garden in Rabat…

Posted by Animal Guardians Malta on Friday, June 12, 2020

“Dawk li jsejħu ruħhom bħala ‘animal lovers’ ħallew mandra”

Kelliem għall-kumpanija Synthesis Management Services Limited, li tieħu ħsieb it-tindif ta’ disa’ kunsilli lokali, fosthom dak tal-Imdina spjegat li l-każ seħħ f’Howard’s Garden.

Il-kelliem spjega s-sitwazzjoni min-naħa tiegħu u qal li l-ġardinar tal-Kunsill Lokali tal-Imdina intalab inaddaf il-ħmieġ u l-intiena li ħallew warajhom dawk li jsejħu lilhom innifishom bħala “animal lovers”. Hu spjega li dawn ix-xelters tal-qtates kienu biss erba’ kaxxi, waħda minnhom tal-jablo u li tħalliet fi planter tas-siġar. Qal li l-ħmieġ u l-intiena mhux biss kienet qed tkerrah il-ġnien, iżda kellha titnaddaf minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Qal li l-ġnien jiffrekwentawh ħafna persuni, inkluż tfal.

Hu kompla jgħid li fl-istess ġnien ma jgħixux qtates. Qal li b’hekk Animal Guardians Malta falliet milli tħares lejn il-fatti. Qal li x-xelters ma kienu qed iservu l-ebda skop, ma kellhomx permess u mingħajr tgħarif dwar kif wieħed irabbi l-qtates. Qal li l-ħmieġ u l-ħela ta’ ikel li qatt ma ttiekel tħalla fix-xemx u attratta diversi insetti. Spjega li din is-sitwazzjoni kienet saħansitra rrappurtata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-kelliem spjega li l-ġnien huwa żona turistika prima u jatratta eluf ta’ persuni ta’ kuljum lejn l-Imdina. Hu assigura lil Animal Guardians Malta li l-ebda qattus qatt ma deher jgħix jew idur fil-ġnien. Intant għadda wkoll diversi ritratti li juru l-istat li kienu fihom ix-xelters.

Temm jgħid li fid-dawl li l-ġonna jżuruhom it-tfal u l-pubbliku inġenerali, għal raġunijiet ta’ saħħa, iż-żona kellha titnaddaf. Qal li kull persuna li tixtieq tinstalla xelter għall-qtates fil-ġnien trid iġġib permess mill-Kunsill Lokali tal-Imdina.