Ritratti: Jinfetħu l-flyovers kollha tal-Marsa Junction

default

Read in English.

Dalgħodu nfetħu s-seba’ flyovers tal-Marsa Junction, li huma toroq diretti bla interruzzjonijiet bejn ir-rotot ewlenin li jingħaqdu flimkien.

Il-flyovers issa huma miftuħin fid-direzzjoni propja tagħhom, wara li għal dawn l-aħħar 14-il xahar kienu qed jintużaw b’mod temporanju fid-direzzjoni opposta.

Dawn it-tliet flyovers issa qed jiffurmaw konnessjoni diretta b’żewġ korsiji mill-karreġġjati tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija u ta’ Triq Giuseppe Garibaldi, f’Ħal Luqa, lejn Triq Aldo Moro, il-Marsa, fid-direzzjoni ta’ Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Belt Valletta, fost lokalitajiet oħrajn fiċ-ċentru ta’ Malta.

Fi stqarrija Infrastructure Malta qalet li xahar ilu fetħet it-tliet flyovers ta’ taħt dawk li nfetħu mill-ġdid is-Sibt. Dawn l-istrutturi ta’ flyovers jinkludu korsiji diretti li jgħaqqdu Triq Aldo Moro mal-karreġġjati tan-nofsinhar ta’ Vjal Santa Luċija u Triq Garibaldi, lejn Santa Luċija, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, l-Gudja u lokalitajiet oħra fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dan l-aħħar l-aġenzija fetħet ukoll is-seba’ flyover ta’ dan il-proġett, sabiex tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija mal-korsiji ġodda li jwasslu għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata, il-park and ride ġdid li qed jinbena bħalissa u ma’ Triq il-Gvern Lokali, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi (ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok).

Il-ħaddiema issa qed jiffukaw fuq l-aħħar medda ta’ korsiji ġodda ta’ dan il-proġett, li se tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro ma’ Vjal Sir Paul Boffa, fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Kordin, Raħal Ġdid u l-Kottonera. Din l-aħħar konnessjoni tal-proġett ser tkun lesta sal-aħħar tas-sena. Infrastructure Malta fetħet il-konnessjoni fid-direzzjoni bil-kontra bejn dawn iż-żewġ toroq, permezz ta’ żewġ korsiji ġodda taħt il-flyovers, is-sajf li għadda.

Wasal fl-aħħar ukoll ix-xogħol fuq il-bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li jiffurmaw parti mill-istess proġett. L-aġenzija dalwaqt ser tiftaħ il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija mal-inħawi tal-Marsa Sports Grounds.

Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi. Qed tibni ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin.

Dan l-investiment jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa.