Ritratti: Jinfetaħ parkeġġ ġdid fl-ajruport

Din il-ġimgħa nfetaħ parkeġġ ġdid b’diversi sulari fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-parkeġġ bl-isem ta’ Park East ġie konkluż f’inqas minn sentejn wara li bdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni b’rabta ma’ dan l-investiment ta’ €20 miljun.

Park East fih 1,300 spazju ta’ parkeġġ mgħottija bi lqugħ mill-elementi. Fl-istess binja hemm ukoll 17-il kumpanija ta’ kiri tal-karozzi bl-iskop li jiġi ffaċilitat il-proċess tal-kiri tal-karozzi.

Bħalissa qiegħed isir xogħol sabiex jitlestew mina u passaġġ mgħotti li se jkunu qegħdin jgħaqqdu l-parkeġġ mat-terminal tal-ajruport. Mistenni wkoll li tiġi installata sistema fotovoltajka s-sena d-dieħla fis-sular ta’ fuq tal-parkeġġ.