Ritratti: Jiġru u jixxabbtu fuq is-swar tal-Imdina

Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt ilmentaw kif il-ġimgħa li għaddiet meta marru sal-Imdina raw bosta żgħażagħ barranin li mingħajr ebda ħsieb, poġġew ħajjithom fil-periklu.

Minkejja t-tabelli biex ħadd ma jitla’ bilqiegħda fuq is-swar, jidher li dawn iż-żgħażagħ mhux biss poġġew fuq is-swar imma saħansitra kien hemm min anke beda jiġri min-naħa għal oħra.

Irrimarkaw ukoll li xi wħud minnhom marru fix-xifer u bdew jiċċajtaw taparsi se jimbuttaw lil xulxin għal isfel.  “Kien hemm ukoll min beda jmur jittawwal għal isfel u jixxabbat biex jieħu r-ritratti”, kompla jgħid wieħed mill-qarrejja.

Barra minn hekk, il-qarrejja qalu li “peress li kienu grupp kbir, f’ċertu ħin l-Imdina ma baqgħetx il-belt is-siekta.  Bdew jgħajjtu u jidħku mingħajr ma rrispettaw lir-residenti tal-Imdina u lill-viżitaturi”.

Bilqiegħda fuq il-bankijiet li hemm fil-pjazza ta’ mas-swar, kien hemm ukoll familja bit-tfal.  Il-qarrejja saħqu li apparti stiednu b’idejhom il-periklu, taw ukoll eżempju ħażin lit-tfal iż-żgħar.

Fis-siegħa u nofs li damu maġenb is-swar, il-qarrejja qalu li l-pulizija fl-ebda ħin ma għaddiet tagħmel ronda.

Jirriżulta wkoll li l-persuni responsabbli mill-istudenti, fl-ebda ħin ma widdbuhom biex jinżlu minn hemm fuq. Jidher li “qalulhom biss fi xħin kienet ġejja tiġborhom il-kowċ”.

Mistoqsi dwar il-miżuri ta’ sigurtà mas-swar, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Mdina Paul Spiteri qal li l-Kunsill kien applika biex jagħmel puġġaman tal-ħadid mas-sur, imma l-MEPA ma aċċettatx minħabba li s-swar huma antiki u skedati.

Is-Segretarju qal li fl-akwati hemm tabelli biex il-viżitaturi jirrispettaw is-silenzju u biex ma jitilgħux fuq is-swar.  Iċċara li bħalissa mhemm l-ebda liġi li tħarkek għax tagħmel l-istorbju jew għax titla’ fuq is-swar.

 

Ritratti: Fuq info@newsbook.com.mt