​Ritratti: Jiggradwaw 135 mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali

Wara li temmew b’suċċess wieħed minn 16-il kors tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, iggradwaw 135 persuna.
Fi stqarrija, il-Knisja f’Malta qalet li ċ-ċerimonja annwali tal-gradwazzjoni saret l-Erbgħa, 22 ta’ Novembru fil-Kappella tas-Seminarju, Tal-Virtù, ir-Rabat.
Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li ċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament u wara ppreżenta ċ-ċertifikati.
Il-korsijiet li saru b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra tal-Knisja f’Malta kienu tar-raba’, il-ħames u s-sitt livelli tal-Malta Qualifications Framework (MQF) u tal-European Qualifications Framework (EQF). Huma saru fl-oqsma tal-familja, it-tagħlim soċjali tal-Knisja, it-Teoloġija, l-ispiritwalità Franġiskana, l-evanġelizzazzjoni, il-liturġija, il-ħidma mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ, l-istudji fl-ispiritwalità Karmelitana, u l-istudju tal-Bibbja.
Il-Knisja qalet li l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali din is-sena beda t-12-il sena ta’ ħidma, u din kienet il-11-il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali twaqqaf fl-2005 biex iwieġeb għas-sejħa li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill-Insara għall-ħtiġijiet reali tas-soċjetà, u joffri formazzjoni lil dawk il-persuni li jħossu l-bżonn li jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fil-fidi tagħhom.
Fis-sena akkademika preżenti, l-Istitut flimkien ma’ entitajiet oħra qed joffru 13-il kors differenti li minnhom il-Higher Education Award in Family Ministry jibda fil-11 ta’ Jannar 2018. Għal dawn il-korsijiet qed jattendu 170 parteċipant.
Għal aktar informazzjoni dwar il-korsijiet tista’ tagħfas hawn jew tibgħat imejl fuq pfimalta@gmail.com. 
Ritratti: Il-Kurja