Ritratti: Jibdew iħejju għall-10 edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem

Franco Ciangura

Beda x-xogħol bi tħejjija għall-avveniment annwali Bethlehem f’Għajnsielem, li din is-sena se tkun qed issir l-għaxar edizzjoni tiegħu.

Fuq Facebook, is-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura tella’ ritratti li juru x-xogħol li qed iwettqu t-tim tal-voluntiera. Ciangura qal ma’ Newsbook.com.mt li dan kien l-ewwel weekend ta’ ħidma għalihom din is-sena bi tħejjija għal meta jiftaħ is-sit fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru.

Il-qofol ta’ Bethlehem f’Għajnsielem huwa l-grotta tal-Bambin Ġesù, f’liema presepju ħaj jieħdu sehem aktar minn 150 attur. Fi snin preċedenti, l-attrazzjonijiet prinċipali f’dan il-villaġġ tan-Nattività kienu jinkludu l-ħanut tal-mastrudaxxa, il-ħaddied, il-furnar, it-taverna u s-suq tal-ħxejjex, dawk li jagħmlu l-ħwejjeġ mis-suf, is-suq tal-artiġġjanat, il-qiegħa u d-diversi għelieqi bir-rgħajja u l-annimali. L-attività bdiet fl-2008.

FL-2017 artiklu tas-CNN ikklassifika lil Malta fl-ewwel post bħala l-aħjar pajjiż fejn wieħed għandu jqatta’ ż-żmien tal-festi u fost l-oħrajn semma lil Bethlehem f’Għajnsielem bħala l-attrazzjoni prinċipali.

Ist weekend preparation for Bethlehem f Ghajnsielem.GRAZZI lil voluntiera kollha li ghalkemm kienet shana enormi…

Posted by Franco Ciangura on Sunday, September 9, 2018

Tista’ żżur il-paġna ta’ Bethlehem f’Għajnsielem minn hawn.

Ma’ Newsbook.com.mt is-Sindku qal li l-idea innovattiva kienet li nbena villaġġ u mhux sempliċi presepju. Wieħed ukoll jista’ jkollu esperjenzi hands-on.