Ritratti: “Jew hekk jew joqtluna”; immigranti jipperikolaw ħajjithom biex jaslu l-Gwatemala

Reuters

Read in English.

Immigranti mill-Amerka tan-Nofs poġġew ħajjithom f’riskju biex jaħarbu lejn il-Gwatemala mill-Messiku nhar il-Ħamis, sabiex jirnexxilhom jaslu fil-pajjiż qabel ma jibda l-qbil iebes bejn il-Messiku u l-Istati Uniti li bih eluf ta’ uffiċjali tal-Gwardja Nazzjonali kellhom jiġu stazzjonati mal-fruntiera.

Il-Messiku qabel mal-Istati Uniti li sa tmiem Lulju juri li kapaċi jikkontrolla d-dħul ta’ ħafna immigranti. Dan wara theddida mill-President Amerikan Donald Trump li jimponi tariffi fuq l-oġġetti importati Messikani jekk dan ma jsirx. Il-Ministru Messikan għall-Affarijiet Barranin Marcelo Ebrard qal li l-Messiku se jtejjeb il-kontroll tiegħu tal-fruntiera t’isfel, u dan billi jibgħat 6,000 uffiċjal tal-Gwardja Nazzjonali minn tiegħu mal-fruntiera.

Kif beda jbexbex mal-fruntiera, familja ta’ immigranti mill-Onduras qasmu x-Xmara Suchiate fuq ċattra mill-Gwatemala għall-Messiku. “Qed ngħaġġel biex ma jaqbduniex,” qal missier ta’ 28 sena lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters. Miegħu kellu lil bintu ta’ kważi sentejn u martu li hija tqila b’tarbija oħra. Din sabet dan il-vjaġġ diffiċli ħafna peress li kulma fadlilha hu xahar tqala. Il-missier stqarr li r-riskji li jibqgħu fejn kienu, kienu ferm agħar minn dan il-vjaġġ, u spjega li huma kienu qed jiġu mhedda minn klikka kriminali, anke wara li dawn ħallsu d-dejn li kellhom magħhom. “Jew hekk jew joqtluna,” temm jgħid il-missier.