Filmat: “Jerome baqa’ bi tbissima sal-aħħar nifs”

Il-Knisja tad-Dumnikani tar-Rabat ippakkjata bin-nies, illum waranofsinhar tat l-aħħar tislima lil Jerome Frendo, iż-żagħżugħ ta' 20 sena li tilef il-battalja kontra l-kanċer. 
Minkejja li kien marid, Jerome kien jgħin bla heda lill-fondazzjoni Puttinu, bl-appoġġ ukoll tat-tfajla tiegħu Martina, li fis-snin li għaddew rebħet il-ġlieda tagħha mal-kanċer.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof George Frendo tkellem dwar it-tbissima li dejjem kellu Jerome.
Monsinjur Frendo, li kien għammed lil Jerome, qal lill-knisja ppakjata qraba u ħbieb, li l-kuraġġ ta' dan iż-żagħżugħ għandu jkun ta' eżempju u jimla lil dawk f'xifer ta' disprament biex ma jaqtgħux qalbhom.
Tkellem dwar kif jiftakar jirċievi l-aħbar li Jerome saritlu d-dijanjożi tal-kanċer lura fl-2013. Semma li malli rċieva l-aħbar tal-mewt tiegħu ftit jiem ilu, kien wieġeb qal din l-aħbar billi qal li tlifna anġlu fuq l-art, imma ksibna anġlu fis-sema.
L-Isqof Frendo ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta' Jerome, iżda fakkar lil kulħadd li l-fidi Nisranija tiċċelebra l-ħajja u mhux il-mewt. Huwa wera l-apprezzament lil dawk kollha li ġew biex jiċċelebraw il-ħajja ta' Jerome. Saħaq li l-preżenza tan-nies għall-funeral tixhed il-fidi fi Kristu li miet u rxoxta u li tixhed ukoll l-imħabba lejn Kristu li kisser bibien il-mewt, u tixhed l-imħabba tan-nies lejn Jerome.