Ritratti: Jekk illum kont qed tgħum l-Għadira…

Dawk li llum kienu qed jgħumu fil-bajja tal-Għadira setgħu josservaw roqgħa kbira ta’ żejt fil-baħar.
L-ambjentalista Alan Deidun ħa r-ritratti ta’ din ir-roqgħa żejt għall-ħabta ta’ nofsinhar u talab lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni dwar iż-żejt mifrux fuq mijiet ta’ metri, qrib il-lukanda Mellieħa Bay.
Appella lil Transport Malta, il-Protezzjoni Ċivili u lill-Awtorità tat-Turiżmu biex inaddfu l-bajja miż-żejt, u biex jinvestigaw kif dan spiċċa fil-baħar.
Alan Deidun wera d-dispjaċir tiegħu li dan seħħ, ftit ġimgħat biss wara li l-Kummissjoni Ewropea faħħret lil Malta għall-kwalità tal-ilma baħar.
F’każi simili, wieħed għandu jċempel fuq 112 biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jieħdu azzjoni minnufih. 
Ritratti: Alan Deidun