Ritratti: Jegħlbu l-Parkinson’s biż-żfin

Step Up for Parkinson's

1,415-il persuna Maltija għandha l-marda Parkinson’s, u dawk huma biss dawk li taf bihom l-għaqda volontarja Step Up for Parkinson’s, li tgħin lil dawk li għandhom din il-marda billi, fost ħidmiet oħra tagħha, torganizzalhom lezzjonijiet taż-żfin.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Natalie Muschamp, il-fundatriċi ta’ din l-għaqda, li spjegat li f’Malta, hawn informazzjoni minima ħafna dwar dawk li jsofru mill-Parkinson’s. L-informazzjoni statistika li tista’ tiġi aċċessata waslet lill-għaqda volontarja mingħand kumpaniji farmaċewtiċi li jipprovdu l-informazzjoni fuq dawk li jixtru l-mediċina għall-Parkinson’s.

Muschamp qalet li hemm ħsieb li f’Malta hawn iżjed nies li jbatu b’din il-marda, għax hemm nies li jkunu għadhom fi stadju bikri tagħha li ma jkunux konxji tagħha, jew ikunu għadhom ma ġewx iddijanjostati. Hija saħqet fuq il-bżonn li ssir iktar riċerka fuq din il-marda.

Tkellmet ukoll fuq il-ħidma tal-għaqda li bdiet hi, li ilha tipprovdi lezzjonijiet taż-żfin għal dawk li għandhom il-Parkinson’s u dawk li jieħdu ħsiebhom minn Marzu tal-2017. Hija ġieha l-ħsieb li tibda din l-għaqda meta rat kemm kienet qiegħda tbati zitha bil-Parkinson’s, u s-sieħeb tagħha magħha. Għalhekk, sabet mod kif iżżewweġ il-passjoni tagħha lejn iż-żfin u x-xewqa tagħha li tgħin lil dawk li għandhom il-Parkinson’s.

Tista’ tikkuntattja lill-għaqda hawn jew billi ċċempel fuq 99200822.

Aqra l-artiklu sħiħ hawn.