Aġġornata: Ritratti: 5 arrestati mill-bastiment “maħtuf mill-immigranti”

 

Ħames persuni ġew arrestati wara li wasal f’Malta l-bastiment li allegatament ġie “maħtuf mill-immigranti”.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li dawn il-ħames persuni qed jinżammu mill-Pulizija. Qalet li kien hemm total ta’ 100 persuna abbord il-vapur.

Dalgħodu l-Forzi Armati ta’ Malta qalu li l-bastiment El Hiblu 1 lbieraħ inħataf minn grupp ta’ immigranti li kienu ġew salvati mill-għarqa. Fi stqarrija ġie spjegat li l-immigranti se jkunu qed jingħataw f’idejn il-Pulizija sabiex jiġi investigat il-każ. L-immigranti ġew eskortati lejn Boiler Wharf għall-ħabta tat-8.30am.

Il-bastiment maħtuf mill-immigranti se jiddaħħal Malta – AFM

Id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini faħħar l-intervent ta’ Malta sabiex tikkontrolla l-bastiment li qed jingħad li nħataf minn grupp ta’ immigranti. Sostna li l-immigrazzjoni hija invażata bil-kriminalità u għalhekk għandha tiġi mfwaqqfa bil-mezzi kollha possibbli.

Intant il-Gvern ħareġ stqarrija fejn qal li din l-operazzjoni kienet immexxija mill-Forzi Armati ta’ Malta. Spjega li l-100 immigrant li kienu abbord jikkonsistu fi 38 raġel, 15-il mara u 47 persuna li qalu li huma minorenni. Mara tqila u persuna taħt l-età ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-osservazzjoni. L-immigranti l-oħra ttieħdu fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa filwaqt li ħames immigranti ġew arrestati. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.